Il-Partit Laburista minn għada se jagħti bidu uffiċjalment għall-Kungress Nazzjonali, li huwa appuntament statutorju importanti li permezz tiegħu se jkompli jiltaqa’ man-nies u jisma’ minn fommhom l-ideat tagħhom dwar id-direzzjoni li għandu jieħu pajjiżna fis-snin li ġejjin. Dan il-Kungress qiegħed ikun meqjus bħala azzjoni importanti fit-tfassil tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni li jmiss.
Għalhekk, għandna għax nifhmu li fil-jiem li fih se jkun qiegħed jitlaqqa’ dan il-Kungress, jiġifieri mill-Ħadd 12 ta’ April sal-Ġimgħa 17 t’April, il-partit se jkun qiegħed jistieden lid-delegati, il-membri tal-partit, il-korpi kostitwiti, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u anke lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex iressqu ’l quddiem il-proposti u l-ideat tagħhom. Dan ukoll ikompli jibni fuq il-Viżjoni Malta 2050, u hu f’dan l-isfond li t-tema magħżula għal dan il-Kungress hi “Malta Aqwa – Ikteb il-Kapitlu li Jmiss”.
Naturalment is-suċċessi li kiseb dan il-pajjiż taħt Gvern Laburista kienu bosta. Biss biss insemmu kif il-qasam soċjali għadda minn rivoluzzjoni sħiħa, tant li mhux biss żdiedu l-għajnuniet fl-istesswaqt li tnaqqsu t-taxxi, imma l-investimenti qawwija u bla preċedent f’dawk li huma pensjonijiet u benefiċċji soċjali komplew irrankaw matul dawn l-aħħar snin.
Sar ukoll progress f’oqsma oħra notevoli inkluż fil-qasam tax-xogħol fejn illum prattikament tista’ tgħid li hawn “full-employment”, waqt li kompla jitjieb u jiġi modernizzat il-qasam tas-saħħa biex jibqa’ jkun offrut servizz tal-aqwa kwalità u anke tlestew proġetti oħra ambjentali.
Ma nistgħux imma ngħidu li m’għadx fadal xi jsir. U huwa proprju dan il-kunċett li l-Gvern Laburista qiegħed jimmira għalih. Din hi viżjoni li nemmnu li l-Prim Ministru Robert Abela se jkun qiegħed jimbotta ’l quddiem tul dan il-Kungress. Viżjoni li se tħares fit-tul u li tassigura li Malta tibqa’ tirreġistra suċċessi soċjali u ekonomiċi kif għamlet tul dawn l-aħħar snin.
L-appell jibqa’ wieħed; dak li kulħadd għandu x’jikkontribwixxi f’dan il-proċess. Għaliex l-ideat ta’ kulħadd, ibda miż-żgħażagħ sal-anzjani, huma importanti fit-tfassil għal Malta t’Għada.

