Friday, December 13, 2024

XI JFISSER IL-VOT TA’ SFIDUĊJA F’BORIS JOHNSON?

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson affaċċja vot ta’ sfiduċja fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Konservattiv. Dan seħħ wara li 15% tal-membri tal-House of Commons, kitbu liċ-Chairperson tal-Kumitat, liema kumitat jissejjaħ ukoll “Il-Kumitat tal-1922”, biex jgħidulu li huma m’għandhomx kunfidenza fit-tmexxija tal-Prim Ministru.


Dan il-vot ta’ sfiduċja sar wara li ħareġ fil-pubbliku rapport li analiżża kif saru numru ta’ attivitajiet soċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (magħruf bħala Number 10), meta suppost in-nies kienu taħt lockdown fl-eqqel tal-pandemija. Johnson saħansitra ġie mmultat mill-pulizija minħabba li kiser ir-regolamenti hu stess, flimkien ma’ aktar minn 80 persuna oħra li kienu f’dawn l-attivitajiet.


Madanakollu, din ma kinitx l-ewewel problema interna għal Johnson. F’Novembru tal-2020, ir-relazzjoni bejn Johnson u Dominic Cummings, li kien il-Konsulent Prinċipali tiegħu, marret il-baħar, u dan wassal biex Cummings telaq mill-pożizzjoni li kien jokkupa. Wara li ma baqgħax impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Cummings ma tantx kien ħanin mat-tmexxija ta’ Boris Johnson, fejn saħansitra iddiskriva lill-frontliners bħala “ljuni li kienu qed jiġu mmexxija mill-ħmir”, b’referenza għall-Prim Ministru u l-kumplament tal-Gvern.


It-tluq ta’ Cummings kien sinifikanti għaliex Cummings kien il-moħħ wara r-rebħ tar-referendum ta’ Brexit. Kienet l-istrateġija tiegħu li wasslet biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, u Johnson, kien parti essenzjali mill-istess strateġija.


Infatti, skont l-analiżi ta’ diversi, il-pubbliku Ingliż lil Boris Johnson ma jitrattaħx bħala politiku normali. Li kieku l-affarijiet li jagħmel Johnson jagħmilhom ħaddieħor, kieku l-karriera tagħhom ma tantx iddum tixgħel. Madanakollu, bħalma kien qal l-ex Prim Ministru David Cameron meta Johnson kien weħel fuq zip line ixejjer bandiera tar-Renju Unit, dak li għal ħaddieħor ikun falliment, għal Johnson kapaċi jkun suċċess.


Din il-karatteristika ta’ Johnson hija ċentrali għall-appell politiku tiegħu. Filwaqt li huwa rebaħ il-vot ta’ fiduċja b’marġini ta’ 59%-41%, ma tantx jidher li r-riżultat kien wieħed sodisfaċenti. Wieħed jista’ jgħid li Johnson irnexxielu jibqa’ fit-tmun bi żbrixx. Meta allura wieħed jara x’ġara fil-passat meta kien hemm voti ta’ fiduċja simili, ma tantx jasal għal konklużjoni sabiħa: għaliex dawk li affaċċjaw vot ta’ fiduċja, ma tantx damu fil-kariga, anke jekk rebħu dan il-vot.


Madanakollu, għalkemm l-istorja ta’ ħaddieħor hi li hi, Johnson mhuwiex il-predeċessuri tiegħu. Il-fatt li hu bniedem kaotiku, u li jippreżenta lilhu nnifsu bħala persuna mgerfxa sa’ ċertu punt, huwa wieħed mill-akbar saħħiet tiegħu. Għaldaqstant, filwaqt li jidher li beda jberraq, u beda jberraq sew għal Johnson, ma jidhirx li din l-okkażżjoni ser ikollha impatt fuq l-imġiba tiegħu, anzi jaf hu l-mod kaotiku li jirreaġixxi bih li forsi wasslu s’hawn u jtawwallu żmienu fit-tmun.

Ekonomija

Sport