Saturday, October 26, 2024

X’INHU JIĠRI FID-DINJA BĦALISSA?

Aqra wkoll

Donnu li d-dinja ma tgħaddix jekk ma jkunx hemm xi diżastru xi mkien. Konna naħsbu li t-tieni gwerra dinjija u bil-miljuni ta’ nies li nqatlu, kienet ġrajja li se ttemm il-gwerer kollha u l-kontinent Ewropew partikolarment kien se jgħaddi minn snin ta’ sliem u prosperità. Imma jidher ċar li din il-profezija ma seħħitx. Dan għaliex ma tgħaddix ġimgħa li ma nismgħu b’xi rvell jew ġlied f’nħawi differenti tad-dinja.

Ibda minn irvellijiet razzjali, u spiċċa b’attakki mill-aktar sofistikati fuq territorji differenti. Biex ma nsemmgħux ukoll il-kriżi ma taqta xejn tar-refuġjati u l-immigrazzjoni rregolari. Il-gwaj kompla jiżdied din l-aħħar sena, bil-gwerra li ħolqot l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fejn ħlief diżastru, din il-gwerra m’hijiex tħalli warajha. 

F’dawn l-aħħar jiem rajna wkoll attakki militari fuq kamp tar-refuġjati Palestinjani f’Jenin fl-istrixxa ta’ Gaża. Dan l-attakk wera li għadha tbaqbaq il-mibegħda fost il-Palestinjani u l-Iżraeliti. Kunflitt li issa ilu għaddej, u ma nafux kemm se jdum aktar, għal aktar minn 70 sena, mid-deċiżjoni li waqqfet l-istat ta’ Iżrael fl-1948.

Saru bosta sforzi bla suċċess sabiex din il-kunflitt jintemm, għas-sodisfazzjon għaż-żewġ naħat involuti f’din il-gwerra. Kien maħsub li dan il-kunflitt kellu jintemma bit-twaqqif tal-istat Palestinjan, iżda dan kollu ġie riġettata u oppost mill-Gvern Iżraelit, bir-riżultat illi qed ikompli jixxerred aktar demm innoċenti fosthom ta’ tfal, nisa u anzjani. 

Fil-fehma tagħna, din it-traġedja umana turi wkoll il-falliment tal-komunità internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda li għadha ma sabitx tarf kif tħoll din il-kobba mħabbla li issa ilha tkarkar drammatikament għal għexieren ta’ snin.

Fuq in-naħa aktar viċin tagħna, preċiżament fi Franza, bħalissa bosta bliet huma maħkumin minn sensiela ta’ protesti qawwija fit-toroq  li wasslu għal irvellijiet vjolenti wara li żagħżugħ inqatel mill-pulizija sempliċiment għax ma waqafx meta ordnawlu jagħmel hekk. 

Fi Franza, il-protesti huma avvenimenti normali partikularment dawk marbuta ma’ azzjonijiet industrijali minfuħa mill-mezzi soċjali. Imma l-vjolenza, it-tkissir u l-ħruq ta’ bħalissa mhumiex daqstant komuni f’pajjiż daqshekk ċivilizzat.

Ġrajjiet bħal dawn konna naħsbu li jiġru biss fl-Istati Uniti fejn kulħadd għandu dritt iġorr miegħu l-armi tan-nar jew meta jinqatel ċittadin mill-pulizija. Biss, dan kollu issa qed jiġri wkoll f’pajjiżi Ewropej, fejn mhux biss qed ikun hemm ġlied imma wkoll ħsarat kbar fi proprjetà u serq sfrenat minn stabbilimenti li jeħlu ma’ rjus il-persuni li qed joħolqu dan l-inkwiet. 

Quddiem dawn il-kriżijiet u t-traġedji umani koillha, kemm se tibqa’ aktar ċassa l-komunità internazzjonali? Ma jistax ikun aktar li f’era ta’ żvilupp teknoloġiku sfrenat u intelliġenza artiċjali, tibqa’ ma tinstabx soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-kunflitti u t-traġedji ta’ bħalissa.

Sport