Waħda mill-bżonnijiet fundamentali tal-bniedem hija dik li jkollu saqaf fuq rasu. Kull persuna għandha bżonn residenza u għall-koppji, id-dar hija l-bejta tagħhom biex irabbu l-familja li hija n-nukleju tas-soċjetà.
Maż-żmien is-settur tal-proprjetà sploda u hawn domanda kbira għalih. Fil-fatt, is-sena 2024 kienet sena oħra ta’ rekord fejn jirrigwarda konvenji fuq xiri ta’ proprjetà. Irriżulta li hemm 16,739 konvenju fuq propjetà b’valur li laħħaq il-€5.1 biljun, żieda ta’ €0.6 biljun (11%) fuq is-sena preċedenti.
Id-domanda kostanti minn sena għall-oħra għall-proprjetà wasslet biex il-prezzijiet, kemm tal-kiri kif ukoll tax-xiri, jiżdiedu. Filwaqt li s-settur jagħti saħħa lill-ekonomija tal-pajjiż, iż-żieda fil-prezzijiet fejn tidħol il-proprjetà qiegħda tpoġġi f’diffikultà lil min illum jew għada jrid jaħseb biex jixtri jew jikri post fejn joqgħod. Dan jirrifletti wkoll fit-tip ta’ proprjetà li wieħed jiflaħ jidħol għaliha.
Fil-fatt, fir-rapport dwar is-Suq tal-Proprjetà u l-Industrija tal-Kostruzzjoni 2024 mill-Malta Developers Association (MDA) irriżulta li fl-ewwel nofs tas-sena l-oħra l-maġġoranza tan-nies xtraw appartamenti u penthouses b’71.3% u 15.6% rispettivament.
Il-prezz medju ta’ appartament illum il-ġurnata huwa ta’ €285,000 u dak tal-penthouse huwa ta’ €378,500. Mentri l-prezz medju li qegħdin jitobu għad-dar huwa ta’ €613,500 u €1,871,000 għal villa.
F’każ ta’ kera, il-prezz medju l-aktar li qiegħed jintalab huwa ta’ €1,200 ix-xahar. Il-prezzijiet kemm tal-kiri kif ukoll tax-xiri, ivarjaw bejn l-lokalità u oħra bl-aktar irħisa jkunu fin-Nofsinhar ta’ Malta u f’Għawdex. Fl-istess ħin, filwaqt li l-prezzijiet tal-proprjetà qegħdin jogħlew, dawn qegħdin jiċkienu fid-daqs.
Bil-għan li naraw x’jaħsbu n-nies dwar is-suq tal-proprjetà f’Malta u Għawdex, ħriġna fit-toroq u staqsejnihom: Kieku llum il-ġurnata jkollok taħseb għal proprjetà, tikri jew tixtri u għala? Staqsejna lil dawk li rrispondew li kieku jixtru, jekk l-għażla tagħhom tkunx appartament jew inkella dar.
Il-maġġoranza assoluta saħqu li l-prezzijiet tal-proprjetà, kemm tal-kiri kif ukoll tax-xiri, illum il-ġurnata huma għolijin wisq, sitwazzjoni li qiegħda tpoġġi ħafna persuni, b’mod speċjali familji, f’diffikultajiet kbar u huwa għalhekk li hawn ħafna tkissir ta’ familji.
Dan huwa li qalulna l-persuni li kellmuna:
“L-ekonomija sabiħa imma l-familja isbaħ”
Familji bla ċans ta’ xejn… Imbagħad jibdew il-problemi”
– Ġino Abdilla, 60 sena
“It-tnejn iebsin. Biex tikri impossibbli għax bil-kera, li taqla’ tħallsu f’kera u biex tgħix mhux se jibqagħlek, Biex tixtri iebes ukoll. Biex tasal għal dak l-ammont ta’ flus, għaż-żgħażagħ huma iebsin ħafna. Jiena għandi żewġt itfal u t-tnejn li huma għadhom mingħajr post u t-tnejn jaqtgħu qalbhom għax hija responsabbiltà kbira. Xħin tiġi biex tixtri u tħares ‘il quddiem tgħid, meta se nħallsu? Jekk jgħiduli li se jixtru proprjetà, nieħu qatgħa għax iebes biex jaslu. Għandi tifel li għandu tifel ta’ disa’ snin li jrid imantnih. Kif se jasal biex iħallas il-loan? Naħseb li hija naqra iebsa. Aħna, fl-antik, konna daqsxejn differenti. Il-postijiet ma kienux għoljin daqshekk u bħala xogħol kien differenti. Illum bħala spejjeż, għandhom spejjeż kbar u jridu jlaħħqu ma’ kollox.
Jien dar għandi li jekk toqgħod tqis, għal dak iż-żmien kienu għoljin imma kienu possibbli għax qabel ma konniex ngħixu bħalma ngħixu llum. Illum jekk inhuwa mobile, internet… Iridu kollox. Konna kapaċi nagħmlu sagrifiċċju imma t-tfal tal-lum naħseb li huwa ftit diffiċli kif jgħixu. Imbagħad jekk lesti jagħmlu s-sagrifiċċji mhux waħidhom, iridu ta’ bilfors ikunu bejn tnejn biex jaslu. Din minnha nnfisha hija problema u l-pajjiż qiegħed ġo problema għax il-familji llum lanqas biss jiltaqgħu m’għandhom ċans. Illum toħroġ il-mara taħdem, joħroġ ir-raġel jaħdem u jekk ikollhom it-tfal, dawn ikunu l-iskola. Hemm min jeħodhom l-iskola fis-6.00 ta’ filgħodu u biċċa minnhom jiġbruhom fil-5.00 ta’ filgħaxija u bil-garanzija li l-mara u r-raġel bilkemm jiltaqgħu.
Allura, naħseb, li hemm daqsxejn ta’ problema għall-ġenerazzjoni li tiela’. Bilfors jaqtgħu qalbhom għax jafu għal xhiex inhuma deħlin. Jiena nara li ħafna mill-ġenituri jispiċċaw jinfirdu għax ma jaslux. Imbagħad jibdew l-argumenti u dik hija problema. Jimtlew bl-istress u l-istress imbagħad dak li jġib. Qabel ma konniex ngħixu bl-istress. Konna ngħixu bi trankwillità. Konna naħdmu u ngħixu. Konna ngawdu lit-tfal. Għandna ħin għat-tfal u għandna ħin għal kollox. Illum m’għandhom ħin għal xejn.
Inħoss li hija problema kbira. Jien dejjem għamilt ħin għat-tfal, ħin għall-familja, ħin għax-xogħol… Kollox f’ħinu. Illum lanqas quddiesa m’għandhom ċans imorru għax minn xogħol għal xogħol u llum lit-tfal jeħduhom id-duttrina n-nanniet. Dan sakemm ikollhom ċertu età għax imbagħad lanqas jibqgħu jmorru minħabba li l-ġenituri jkunu qegħdin xogħol.
Din hija xi ħaġa li trid tħares fit-tul u tippjana fit-tul. L-ekonomija hija sabiħa imma naħseb li l-akbar investiment hija l-familja. Mhux kemm għandek flus il-bank. Il-bank sabiħ imma naħseb biex jaħdem bihom huwa. L-ekonomija sabiħa imma l-familja isbaħ. Dejjem hekk għidt jien – l-akbar investiment huwa fil-familja. Issa l-familja trid tinvesti fiha biex tirnexxi. Jekk ma tistax tinvesti jibdew il-problemi. Jien jiddispjaċini… Id-dinja kollha miexja għall-flus. Il-flus iva sbieħ imma, mhumiex kollox. Kif tgħix huwa l-importanti. Il-ħajja li tgħix u l-frott li tħalli warajk. X’inhuwa l-frott? Illum lanqas tfal ma jixtru. Jixtru wieħed u jgħidulek li biżżejjed meta t-tfal huma xi ħaġa sabiħa. Investiment li inti se tħalli warajk… Il-frott tiegħek. Meta għandek il-familja hija xi ħaġa inkredibbli u sabiħa ħafna. Imma l-familja trid trabbiha li tkun komda u tgħix magħha u mhux wieħed ‘l hawn u l-ieħor ‘l hemm. B’hekk qiegħed ikun hawn il-problemi.
Nerġa’ ngħid li l-investimenti u l-ekonomija sbieħ imma hemm limitu kbir. Mhux billi għandek lukanda, tnejn u tlieta. Irid ikollok ċans għall-mara u għat-tfal”.
“Bil-kera ma jaqbillekx u biex tixtri għoli ħafna…
Erba’ negozjanti kbar qed jixtru kollox u ż-żgħir qed jitgħaffeġ”
– Bartolomew Bonnici, 60 sena
“Naħseb li nixtri għax bil-kera tal-lum naħseb li ma jaqbillekx. Il-flus jaqbillek tinvestihom biex tixtri. Illum ma tistax imma tixtri dar. Trid miljun. Lanqas tixtriha b’miljun… Illum hawn erba’ negozjanti kbar li qegħdin jixtru kollox huma u ż-żgħir qiegħed jitgħaffeġ. Ma nistgħux nibqgħu sejrin fid-direzzjoni fejn iż-żgħir ikun hekk. Il-prezz tal-proprjetà huwa għoli ħafna. Biex tixtri, għaż-żgħir, huwa għoli ħafna.
Jien kienet ġratli waħda. 65 sena ilu kont noqgħod hawnhekk fejn l-għassa ma’ ommi u l-Gvern kien riedu hawnhekk biex jibni u kien taha post ieħor. Lili jafni kulħadd minħabba dak li ġrali. Ommi welditni f’dik id-dar u kien ilha għandna. Ma kien hemm xejn f’din id-dar u l-bjut kienu jqattru.
Meta ħuti kienu żżewġu jien iżżewwiġt imma bqajt ngħix fih m’ommi u bqajt indur biha. Kont ngħidilha biex nibqgħu ngħixu hemmhekk. Is-sid kien jgħidilna rranġawh intom għax intom qegħdin tgawduh. Lili wellditni f’din id-dar u kont infaqt madwar LM35,000 u ma ħadtx ċenteżmu… Tkeċċejt ‘il barra agħar minn kelb. 17-il sena ilu kelli nixtri flat. Filli ma kellix ċenteżmu dejn u filli ġabuni dahri mal-ħajt. Kelb kien aħjar minni għax lili keċċewni ‘l barra u lagħbuni.”
“Il-kiri huwa wisq għoli imma anke biex tixtri għoli wisq
… Sitwazzjoni li hija kullimkien”
– Catriona Lewis, 46 sena
“Nixtieq nixtri… Il-kiri huwa wisq għoli imma anke biex tixtri għoli wisq. Kieku kelli nixtri, nixtri appartament għax f’dawn iż-żminijiet ma tistax tiflaħ biex tixtri dar. Assolutament le. Il-pagi mhumiex tajbin. Ilhom ma jinbidlu naqra u jogħlew il-pagi. Jiġifieri biex ilaħħaq kulħadd, huwa ftit diffiċli.
Jien kont ngħix l-Amerika imma din is-sitwazzjoni hija kullimkien. Qisha d-dinja ġġennet fil-prezzijiet. Hemm rebgħa kbira u allura kulħadd jagħmel li jrid. Xi ħaġa għandha tinbidel. Iridu jagħmlu r-regolamenti anke fil-kiri. Meta jkollok erbgħa, ħames min-nies jgħixu ġo post wieħed bil-kiri, mod u lanqas hija sew għan-nies l-oħra fl-appartament mentri, għal bniedem waħdu l-prezz huwa għoli ħafna“.
“Tispiċċa tagħmel loan mal-bank, taħdem full time u part time
… Tilħaq tmut u trid tkompli tħallsu”
– Roberta, 59 sena
“Diffiċli. Naħseb naqta’ qalbi għax la nikri u lanqas nixtri. Dan skont il-paga li jkollok għax lanqas tkun tiflaħ għall-ispejjeż. La biex tikri u biex tixtri tispiċċa tagħmel loan mal-bank, taħdem full time u part time fejn naħseb tilħaq tmut u trid tkompli tħallsu.
Kieku kelli nixtri, kieku nippreferi nixtri dar… Dejjem skont kemm inkun niflaħ bħala baġit imbagħad. Imma, diffiċli biex tixtri dar għax mhux se tasal fil-flus jekk sempliċiment tkun taħdem biss. Trid tkun iwriet jew ikollok paga ta’ sinjurun… Miljunarju naħseb jien. Sitwazzjoni tal-qtugħ ta’ qalb”.