Sunday, December 22, 2024

Xiri ta’ għamara ġdida – Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-konsumaturi

Aqra wkoll

Ix-xiri ta’ għamara ġdida hija esperjenza eċitanti għall-konsumaturi. Dawn it-tip ta’ prodotti normalment jiswew mijiet u anke eluf ta’ Ewro. Għaldaqstant huwa importanti li kemm jista’ jkun il-konsumaturi jevitaw problemi b’dan it-tip ta’ xiri.    Biex jagħmlu dan il-konsumaturi jridu jinfurmaw rwieħom sew dwar id-drittijiet legali tagħhom u anke x’tip ta’ prekawzjonijiet tajjeb li jieħdu. 

Sabiex il-konsumaturi jiksbu l-aqwa valur għal flushom, importanti li l-ewwel nett ikunu jafu eżattament x’għandhom bżonn u jaraw x’qed joffri s-suq. Huwa fl-interess tal-konsumaturi li ma jqabblux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-kundizzjonijiet tax-xiri u l-kwalità tal-prodotti offruti għall-bejgħ. Meta jiġbru kwotazzjonijiet minn kumpaniji differenti, huwa importanti wkoll li jiċċekkjaw kemm jeħtieġ iħallsu depożitu mal-ordni u anke kif irid isir il-kumplament tal-ħlas. 

Minħabba li d-depożitu tipikament jitħallas ġimgħat qabel ma tiġi kkonsenjata l-għamara, huwa fl-interess tal-konsumaturi li jiżguraw li d-depożitu jkun perċentwali raġonevoli mill-prezz totali. Il-konsumaturi għandhom iżommu f’moħħhom li jistgħu jinqalgħu diversi intoppi qabel ma ssir il-kunsinna tal-għamara, bħal per eżempju dewmien, kunsinna żbaljata u anke prodotti li jaslu b’xi danni. 

F’sitwazzjonijiet fejn l-installazzjoni tal-għamara hija inkluża fil-ftehim tal-bejgħ, importanti li l-konsumatur jiżgura li perċentwal mill-ammont totali dovut jinżamm sakemm l-għamara tiġi installata u ċċekkjata sew. Dawn il-kundizzjonijiet tal-ħlas għandhom jiġi mifthiema qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt tal-bejgħ. 

Problema komuni li jistgħu jiltaqgħu magħha l-konsumaturi meta jixtru għamara ġdida hija dewmien fil-kunsinna. Biex dan ir-riskju jitnaqqas, il-konsumaturi għandhom jiżguraw li d-data tal-kunsinna li tkun mifthiema verbalment tkun miktuba wkoll fil-kuntratt tal-bejgħ. Jekk il-konsumaturi ikollhom bżonn l-għamara sa data speċifika u din tkun maqbula mal-bejjiegħ, il-konsumaturi jistgħu jitolbu li fil-kuntratt tax-xiri titniżżel klawsola li tistipula li jekk l-għamara ma tasalx sad-data mifthiema, il-bejjiegħ iħallas penali sakemm il-kunsinna issir. Mingħajr din it-tip ta’ klawsola, l-konsumatur m’għandhomx dritt legali li jitolbu kumpens għal dewmien fil-kunsinna. 

Meta bejjiegħ jonqos milli jonora data ta’ kunsinna miftehma, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jikkanċellaw il-kuntratt tal-bejgħ. Madankollu, qabel jagħmlu dan, il-konsumaturi għandhom l-ewwel jikkomunikaw mal-bejjiegħ u javżawhom li jekk l-għamara ordnata ma tiġix ikkunsinnata sa data speċifika, il-kuntratt ta’ bejgħ ser jiġi kkanċellat. Dan l-avviż jagħti ċans lill-bejjiegħ jonora l-ftehim tax-xiri. Huwa importanti li l-konsumaturi ikollhom evidenza tal-komunikazzjoni mal-bejjiegħ relatata mal-kwistjoni tal-kunsinna sabiex isaħħu l-każ tagħhom. 

Problema oħra li l-konsumaturi jistgħu jiffaċċjaw hija li jirċievu għamara li ma tkunx taqbel ma’ dak mifthiem waqt ix-xiri. Din id-diskrepanza normalment tiġi skoperta waqt li ssir il-kunsinna jew l-installazzjoni tal-għamara. Għaldaqstant huwa kruċjali li qabel jiffirmaw il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumaturi jiżguraw li l-kuntratt jinkludi deskrizzjoni ċara, u dettaljata tal-għamara ordnata. 

F’sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi taslilhom għamara difettuża, l-obbligu tal-bejjiegħ huwa li jipprovdi rimedju b’xejn u mingħajr inkonvenjent sinifikanti lill-konsumaturi. F’każ ta’ difetti viżibbli, huwa kruċjali li l-konsumaturi jirrapurtaw il-problema hekk kif jindunaw bid-difett u fil-perjodu ta’ żmien stipulat fit-termini u kundizzjonijiet tal-kuntratt. Għal difetti li ma jidrux u li joħorġu maż-żmien, il-konsumaturi huma protetti mil-garanzija legali ta’ sentejn.

Il-konsumaturi għandhom dejjem jiftakkru li kuntratti tal-bejgħ huma dokumenti legalment vinkolanti, u la darba jiġu kkonfermati, ġeneralment ma jistgħux jiġu kkanċellati. Għalhekk, huwa importanti li l-konsumaturi jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom qabel jikkonkludu x-xiri, u jiżguraw li jkunu komdi bit-termini stabbiliti fil-kuntratt tal-bejgħ. 

Peress li dawn it-tip ta’ kuntratti tipikament jirrikjedu li l-konsumaturi jiffirmaw li qed jaqblu mal-klawsoli imniżżla fil-kuntratt, hija r-responsabbiltà tal-konsumaturi li jaqraw bir-reqqa u jifhmu dak li qed jiffirmaw għalih. Idealment qabel jiffirmaw jitolbu kopja tal-kuntratt sabiex ikunu jistgħu jaqrawh bil-kwiet id-dar. F’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi ma jaqblux ma xi termini inklużi fil-kuntratt, għandhom jippruvaw jinnegozjaw termini differenti jew ma jkomplux bix-xiri. Madankollu, jekk if kwalunkwe punt il-kuntratt oriġinali jiġi emendat, huwa kruċjali li ż-żewġ partijiet jiffirmaw il-kuntratt emendat. Filwaqt li l-kuntratti tal-bejgħ jorbtu legalment, jekk kuntratt jinkludi termini inġusti li jnaqqsu d-drittijiet tal-konsumatur, dawn it-termini huma kkunsidrati illegali u ma jistgħux jiġu infurzati. 

F’każ ta’ tilwim dwar kuntratti ta’ bejgħ ta’ għamara, l-konsumaturi jistgħu jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA. Dan l-Uffiċċju jista’ jipprovdi gwida u sostenn dwar id-drittijiet legali tal-konsumaturi  f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet. 

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew iżżur is-sit elettroniku: www.mccaa.org.mt. 

Ekonomija

Sport