Fadal biss ftit ġimgħat għal festa tal-Milied. Dawk li għadhom ma bdewx jixtru r-rigali ma tantx fadallhom żmien. Ix-xiri tar-rigali m’hijiex biċċa xogħol faċli u tinvolvi ċertu riskji. Fi kliem ieħor, minkejja li nkunu nafu sew il-persuna lil min ser nagħtu r-rigal, dejjem hemm il-possibbiltà li nagħżlu rigal ħażin jew li ma jintgħoġobx. Madankollu, dan ir-riskju jista’ jonqos b’mod sinifikanti jekk aħna, bħala konsumaturi, ma nagħmlux għażliet ta’ xiri mgħaġġla u nieħdu ċertu prekawzjonijiet.
L-ewwel nett, għandna niftakru li, sakemm ma jkunx hemm ftehim qabel ix-xiri li jgħid mod ieħor, il-bejjiegħa m’għandhomx obbligu li jaċċettaw lura rigali li ma jintgħoġbux. Fi kliem ieħor, hija għażla tal-bejjiegħa jekk jaddottawx jew le poloz ta’ ritorn li jippermettu ritorn jew skambju ta’ rigali. Għalhekk, biex niżguraw li r-rigali li ser nixtru dan il-Milied ikunu jistgħu jinbidlu, għandna r-responsabbiltà li nistaqsu dwar il-polza ta’ ritorn tal-ħanut qabel nikkonkludu x-xiri. Importanti li mhux biss nistaqsu jekk ir-rigal jistax jinbidel, iżda wkoll dwar it-termini u kundizzjonijiet kif jista’ jsir il-bdil. Għandna wkoll l-obbligu li nitolbu lill-bejjiegħ sabiex jipprovdina bil-gift receipt u naraw li din l-irċevuta jkollha miktub fuqha d-dettalji kollha ta’ kif jista’ jiġi ritornat ir-rigal. Importanti wkoll li nagħtu din l-irċevuta lill-persuna lil min nagħtu r-rigal, sabiex tkun tista’ tużaha jekk ikun hemm bżonn.
Meta nkunu qed nagħżlu r-rigali li ser nixtru dan il-Milied, għandna niftakru li hemm ċertu prodotti, li minħabba n-natura tagħhom u/jew raġunijiet ta’ iġjene, ma jkunux jistgħu jinbidlu. Per eżempju, oġġetti bħal imsielet, make-up, u ħwejjeġ ta’ taħt, ħafna drabi jkunu esklużi mill-polza ta’ ritorn ta’ ħanut. Bl-istess mod, ma nkunux nistgħu nirritornaw prodotti personalizzati jew dawk li jiskadu fi żmien qasir. Għaldaqstant, anke meta nkunu nafu x’tgħid il-polza ta’ ritorn tal-ħanut minn fejn ser nixtru, huwa importanti li niċċekkjaw jekk din tapplikax għar-rigal partikolari li qed nixtru. B’dan il-mod, nevitaw diżappunt jew inkonvenjent kemm għalina kif ukoll għall-persuna li tkun qed tirċievi r-rigal.
Meta bejjiegħ jikkonfermalna li l-oġġett li qed nixtru jista’ jinbidel waqt is-Sales ta’ Jannar, huwa importanti li nistaqsu liema valur jiġi kkunsidrat meta jsir il-bdil. Il-prezz imħallas għall-prodott jew il-prezz imnaqqas tas-Sales. Peress li l-liġijiet tal-konsumatur ma jagħtux dritt lill-konsumatur jibdlu prodotti li ma jkunux difettużi, din l-istess liġi ma tirregolax il-kundizzjonijiet tal-poloz ta’ ritorn tal-ħwienet. Dan ifisser li l-ħwienet għandhom il-libertà li jimplimentaw il-kundizzjonijiet ta’ ritorn li huma jqisu l-aktar addattati għan-negozju tagħhom.
Bħala konsumaturi għandna d-dritt legali li nitolbu rimedju mingħand il-bejjiegħ meta r-rigali li nixtru jkunu difettużi jew ma jkunux tajbin għall-użu li suppost jagħmlu. Barra minn hekk, l-oġġetti mixtrija għandhom jiġu pprovduti lill-konsumaturi kif deskritti jew kif imwegħda mill-bejjiegħ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.
Meta jkun hemm ksur ta’ dawn id-drittijiet, nistgħu nitolbu lill-bejjiegħ sabiex jipprovdina b’rimedju b’xejn. Dan ir-rimedju jista’ jkun tiswija jew bdil tal-prodott difettuż. F’każijiet fejn dawn ir-rimedji ma jkunux possibbli jew ikunu ser jikkawżaw inkonvenjent sinifikanti, nistgħu nitolbu rifużjoni parzjali jew sħiħa tal-ammont imħallas.
Jekk niddeċiedu li nixtru xi rigali tal-Milied online, jew permezz ta’ forma oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, għandna niftakru li dan it-tip ta’ xiri jagħtina drittijiet addizzjonali. Dan jinkludi d-dritt tal-irtirar ta’ 14-il ġurnata. Matul dan iż-żmien, nistgħu nagħżlu li nirritornaw kwalunkwe oġġiett mhux mixtieq mingħajr ma nagħtu ebda raġuni u mingħajr ma niġu mitluba ħlasijiet addizzjonali. L-14-il jum jibdew jgħoddu mill-ġurnata li l-oġġetti mixtrija jiġu kkunsinnati.
Madankollu għandna niftakru li d-dritt tal-irtirar ma japplikax għall-prodotti kollha mibjugħa online. Pereżempju, oġġetti li jiskadu fi żmien qasir u oġġetti personalizzati ma jistgħux jiġu ritornati. Anke oġġetti ssiġillati li mhumiex addattati għar-ritorn minħabba raġunijiet ta’ iġjene u li infetħu mill-konsumaturi huma esklużi mid-dritt tal-irtirar.
Meta niddeċiedu li nikkanċellaw bejgħ mill-bogħod, nistgħu niġu mitluba nkopru l-ispejjeż tat-trasport biex nibgħatu lura l-oġġetti għand il-bejjiegħ. Madankollu, f’dan il-każ, il-bejjiegħ online għandu l-obbligu li jinfurmana dwar dawn l-ispejjeż qabel ma nikkonkludu x-xiri.
Peress li x-xiri ta’ rigali jista’ jieħu ħafna ħin, huwa rakkomandat li ma nħallux għall-aħħar minuta u biex ikollna ħin induru ħwienet differenti. Jekk matul ix-xiri jinqalgħu xi problemi u ma nkunux ċerti dwar id-drittijiet legali tagħna, nistgħu nikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA għall-informazzjoni u assistenza.