Thursday, December 26, 2024

“Xita barra minn żmienha tista’ xxekkel il-ħidma tal-bidwi”

Il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg dwar il-ħalbiet tax-xita fl-aħħar jiem

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż raw ħalbiet tax-xita meqjusin minn bosta bħala barra minn żmienhom hekk kif it-temperaturi jibdew ixeqilbu aktar lejn l-istaġun tas-sajf. Fost dawk l-aktar affetwati kien hemm il-bdiewa u r-raħħala li jkunu għaddejjin b’dak li nistgħu nqisuh bħala l-proċess ta’ rutina tagħhom biex ikabbru jew jaħżnu l-prodotti.

Dwar dan is-suġġett tkellimna mal-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg li qalilna li l-ilma qatt mhu ħażin għax dan jgħin biex jiżdied l-ilma tal-pjan. Minkejja dan huwa spjegalna dwar l-effetti negattivi ta’ dawn il-ħalbiet tax-xita fuq prodotti oħrajn li jkunu qed jitkabbru bħalissa. Semmielna dwar it-tadam, il-bżar, il-brunġiel, il-qarabali u prodotti oħrajn tar-rebbiegħa. Spjegalna li numru ta’ prodotti f’dawn iż-żminijiet tkun diġà tneħħitilhom il-protezzjoni tal-plastik li jkollhom f’temperaturi aktar kesħin u b’hekk jinqabdu b’inqas protezzjoni kontra dawn l-elementi. B’hekk dawn il-ħalbiet tax-xita, il-bidwi mhux biss m’għandux kontroll fuqhom għax jistgħu jiġu għal għarrieda, iżda jeħtieġlu aktar xogħol u spejjeż. Dawn jinkludu xiri ta’ prodotti biex jikkontrolla milli jkun hemm konsegwenzi bħalma huma l-moffa li tista’ tkun waħda mill-konsegwenzi li f’każijiet estremi jista’ ma jirnexxilux isalvahom.

“F’dan l-istaġun nibdew nistennew temperaturi aktar sħan u l-affarijiet barra minn żmienhom għall-agrikoltura qatt mhuma tajjeb. Kemm jekk jagħmel il-bard jew xita fis-sajf, kemm jekk tagħmel in-nixfa u s-sħana fix-xitwa u kull sitwazzjoni oħra tikkumplika l-ħidma tal-bidwi”, kompla Borg.

Rigward il-qamħ Borg qalilna li bħalissa għaddej il-proċess tal-ħsad u l-ippakkjar tiegħu biex jintuża bħala magħlef. Il-qamħ li jkun maħsud diġà jeħtieġ li jitħalla jinxef qabel jiġi ppakkjat fil-balal u għalhekk ċertu ħalbiet tax-xita kontinwi ladarba dan ikun fl-art xejn ma jgħinu biex dak ikun jista’ jiġi ppakjat u maħżun biex jingħalef lill-bhejjem fix-xhur li ġejjin. Jekk il-qamħ ma jkunx niexef biżżejjed u jiġi ppakkjat xorta waħda dan jisħon u jista’ jkun ta’ periklu meta jintuża mir-raħħala bħala għalf għall-bhejjem tagħhom.

Dwar l-ilma bħala riżorsa, Borg qalilna li l-fatt li l-bdiewa forsi jkollhom isaqqu inqas jgħinhom biex inaqqsu l-ispejjeż u anke l-fatt li jiżdied l-ilma tal-pjan ta’ Malta li minħabba li diġà jinsab f’livelli baxxi dawn jistgħu jitqiesu bħala l-vantaġġi qalb l-iżvantaġġi tal-ħsara li tikkawża tibdil fil-klima barra mill-istaġun.

Ekonomija

Sport