Kulma jmur it-tradizzjonijiet fil-festa Maltija jkomplu jiġġeddu minn sena għal oħra iżda magħhom jevolvu wkoll attrazzjonijiet li minn sena għal l-oħra n-nies ikunu qed jistennew.
Għal dawn l-aħħar snin, attrazzjoni ewlenija fil-festa ta’ San Pawl fir-Rabat huwa l-ispettaklu tal-karti sinkronizzata mal-mużika.

L-ispettaklu ttella’ dalgħodu għall-ħabta ta’ nofsinhar waqt il-marċ tradizzjonali fil-pjazza tar-Rabat. Għalih intużaw karti ta’ lwien u daqs differenti u l-iżbroff tagħhom sar minn diversi kanen fuq scafolding kif ukoll minn fuq il-bejt taċ-ċentru ċiviku.

Dan l-ispettaklu kkullurit imtella’ miż-żagħżagħ Rabtin Pawlini qiegħed ta’ kull sena jiġbed lejh mijiet ta’ dilettanti tal-festi u bħalma jiġri kważi dejjem diġà beda jinxtered f’festi oħrajn tradizzjonali Maltin.