Fl-aħħar ġurnata ta’ Rigal bi mħabba, Pjazza Kastilja, għal sena oħra, kienet imżewqa b’ammont kbir ta’ rigali frott il-valur altruwist tal-poplu Malti u Għawdxi. Biswit is-siġra tal-Milied, Dr Lydia Abela flimkien ma’ bintha Giorgia Mae irringrazzjaw lil kull min kien parti minn din l-edizzjoni sabiex verament ikun Milied għat-tfal kollha.
Għall-ewwel darba, l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet mifruxa fuq ħamest ijiem permezz ta’ villaġġ tal-Milied li offra diversi spettakli mill-isbaħ u ġranet ta’ attivitajiet fi Pjazza Kastilja. Dan il-villaġġ ser jibqa’ miftuħ għall-pubbliku sa lejliet il-Milied. “Ikolli nammetti li għalkemm din hija l-ħames edizzjoni ta’ Rigal B’imħabba, kull sena dejjem inkun sorpriża bl-ammont kbira ta’ rigali li jinġabru minn familji, negozji u ħafna entitajiet oħrajn għal din l-inizjattiva. Ta’ kull sena nkompli nammira l-valuri tas-solidarjetà li jipprattika l-poplu Malti u Għawdxi”, stqarret Dr Abela.
Fil-preżenza wkoll tal-Prim Ministru Robert Abela, filwaqt li esprimiet is-sens ta’ apprezzament lejn kull min ħaseb għal rigal f’dan l-isbaħ żmien tas-sena, Dr Lydia Abela żiedet issostni li ma setgħetx tagħlaq dan l-avveniment mingħajr ma ssemmi lil Jake Vella. Jake, li għalkemm din is-sena m’għadux magħna, il-ħolma tiegħu li jitma’ bosta annimali abbandunati fis-santwarji qed tibqa’ ssir realtà permezz ta’ Rigal b’imħabba b’Differenza fl-Isptar Mater Dei. “Il-qalb ġenwina u altruwista tal-poplu Malti u Għawdxi naraha tieħu l-ħajja f’din l-attività. Tassew grata ta’ dan u tassew kburija li jien Maltija meta ngħixu mumenti bħal dawn flimkien”, sostniet Lydia Abela.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li karatterestika b’saħħitha ħafna fil-poplu Malti u Għawdxi hija s-solidarjetà. Pajjiż b’qalb kbira li jaf iħenn u jħoss għall-oħrajn. “Inizjattiva bħal Rigal b’imħabba hija xhieda ċara ta’ dan. Dawn ir-rigali kollha fi Pjazza Kastilja se jmorru għand dawk li għandhom bżonn il-ferħ tal-Milied. Għax f’dan iż-żmien kulħadd jistħoqqlu tbissima, anke jekk wieħed ikun għaddej minn żmien diffiċli”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li din l-inizjattiva saret appuntament annwali li l-familji Maltin u Għawdxin ikunu qegħdin jistennew. “Irrid infaħħar il-kontribut importanti li jagħtu l-korpi dixxiplinati biex Rigal b’imħabba tkun suċċess. Nieħu l-opportunità wkoll biex nirringrazzjahom tas-servizz u s-sagrifiċċji li jagħmlu matul is-sena kollha għall-ġid taċ-ċittadini”, tenna l-Ministru Camilleri.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli rringrazzjat lill-kunsilli lokali li ħadu sehem u li kienu fuq quddiem nett sabiex jimbuttaw l-inizjattiva Rigal b’imħabba 2024, fejn flimkien mar-residenti taw il-kontribut tagħhom fil-ġbir tar-rigali mil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.