Saturday, December 21, 2024

X’IWASSAL BIEX ĠUKATUR JILGĦAB B’MOD EĊĊESSIV

Riżultat ta’ taħlita li tikkonsisti f’kilba għal dik il-famuża rebħa, illużjoni ta’ kontroll, problemi emozzjonali, aċċess faċli, sens ta’ aljenazzjoni u predispożizzjoni psikoloġika għall-vizzji

Aqra wkoll

Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]

Il-logħob tal-azzard jista’ jkun eċċitanti u divertenti, iżda għal xi individwi jista’ jħalli effett ħażin u jwassal għal-logħob kompulsiv. Hemm diversi fatturi li jistgħu jikkontribwixxu biex ġukatur jibda jilgħab b’mod eċċessiv, li ħafna drabi jirriżulta f’konsegwenzi negattivi finanzjarji, mentali u soċjali.

Wieħed mill-aktar fatturi komuni li jwasslu għal-logħob eċċessiv hu l-kilba kontinwa għar-rebħ. Meta ġukatur jirbaħ l-ewwel darba, jista’ jiżviluppa sens falz ta’ kunfidenza u jemmen li jista’ jirbaħ dejjem. Dan jista’ jwassal għal logħob aktar frekwenti u għal imħatri ikbar, b’tama li jirreplika s-suċċess preċedenti. Madankollu, ir-rebħ mhux dejjem jiġi u l-ġukatur jista’ jsib ruħu f’ċirku vizzjuż ta’ logħob eċċessiv biex jipprova jirbaħ dak li jkun tilef.

Ġukatur li jilgħab b’mod eċċessiv spiss jemmen li għandu kontroll fuq ir-riżultat tal-logħob, ankè f’sitwazzjonijiet fejn ir-riżultati huma totalment każwali bħall-magni tal-casino jew lotteriji. Dan il-ħsieb ħażin jissejjaħ “illużjoni tal-kontroll”. Il-ġukatur jista’ jibda jemmen li b’ċertu strateġiji jista’ jżid ċ-ċansijiet ta’ rebħ, anke meta fir-realtà m’hemm l-ebda mod biex ibassar jew jikkontrolla r-riżultat. Din l-illużjoni tista’ tmexxi lill-ġukatur biex jibqa’ jilgħab, ankè meta jkun qed jitlef b’mod konsistenti.

Ħafna drabi, il-logħob eċċessiv jiġi minn problemi emozzjonali jew personali. Ġukaturi jistgħu jduru lejn l-imħatri bħala mezz biex jaħarbu mill-istress, mid-dipressjoni, jew minn kwistjonijiet personali. Il-logħob joffri distrazzjoni temporanja u sens ta’ eċċitament li jiskappa mill-problemi tal-ħajja reali.

Ġukatur jilgħab ta’ sikwit meta jkollu aċċess faċli għal-logħob. Biż-żieda tal-logħob onlajn l-imħatri saru aktar aċċessibbli. Il-ġukatur jista’ jilgħab f’kull ħin tal-ġurnata minn kullimkien. Din l-aċċessibilità tiffaċilita l-logħob eċċessiv, peress li m’hemmx bżonn li wieħed imur f’xi post fiżiku biex jilgħab. Dan il-fattur jirriżulta wkoll f’ħinijiet itwal ta’ logħob u f’ammonti ikbar ta’ flus li jinħarġu.

Oħrajn għandhom personalità li tippredisponihom għal vizzji, inkluż il-logħob. L-aspett emozzjonali tal-logħob, bħall-eċċitament u l-adrenalina li jġib miegħu, jista’ jwassal lil dawn l-individwi biex isiru kompulsivi fil-logħob.

Il-logħob eċċessiv spiss ikun riżultat ta’ taħlita ta’ kilba, illużjoni ta’ kontroll, problemi emozzjonali, aċċess faċli u predispożizzjoni psikoloġika għall-vizzji. L-għarfien ta’ dawn il-fatturi jgħin lill-ġukatur jirrikonoxxi l-perikli u jilgħab b’mod responsabbli.

www.rgf.org.mt

Ekonomija

Sport