Friday, December 13, 2024

X’JAĦBAT IL-METAVERSE?

Aqra wkoll


F’dawn l-aħħar xhur, ilkoll kemm aħna smajna bil-kunċett tal-metaverse, anke jekk forsi m’għandniex idea xi jfisser. Saħansitra l-kumpanija Facebook, ħabbret li ser tibdel isimha minn ‘Facebook’ għal ‘Meta’, prova ċara ta’ fejn ser tkun qed tiffoka aktar ’il quddiem. Imma konkretament, x’jaħbat dan il-Metaverse, u għala hemm ħafna eċitament fuqu?

F’termini sempliċi, il-Metaverse mhu xejn għajr dinja virtwali. Forsi min ma tantx hu tekniku jgħidlek imma dinja virtwali x’taħbat? Bażikament dinja virtwali hija l-istess kunċett ta’ logħba online, imma b’funzjonijiet aktar wiesgħa. Fejn logħba tal-isparar wieħed ikun kapaċi jispara, fuq il-metaverse l-idea hija li, l-funzjonijiet li wieħed ikollu, jkunu ħafna aktar wiesgħa minn hekk.

Madanakollu, il-verità hija li diġà hemm logħob online li jqarrbu ħafna lejn il-Metaverse. F’dan ir-rigward ma nistax ma nsemmix il-logħoba Runescape, fejn kull persuna jkun jista’ jitħarreġ biex ikollu karattru aktar b’saħħtu, fost affarijiet oħrajn. Dan biex ma nsemmux ukoll li l-karattru f’logħob bħal Runescape jagħmel affarijiet oħrajn bħal jistad, jaqta’ s-siġar, jagħmel il-krafts, jisraq, jitlob, u saħansitra jibni dar.


Forsi ssaqsuni għaliex qed tagħmel dan l-enfasi kollu fuq logħba u tqabbilha mal-Metaverse? Sempliċi: għaliex nemmen li s-suċċess ta’ din il-logħba jista’ jurina l-Metaverse kemm kapaċi jimxi ’l quddiem fil-futur. Immaġina li minflok ħarġa s-Sibt ġo ristorant, persuna tmur f’avveniment ġo distrett fil-Metaverse. Inkella minflok persuna tmur kunċert b’mod fiżiku, tmur tara serata f’teatru fil-Metaverse. Għal ħafna din hija xi ħaġa ġdida. Imma għal min kien jilgħab logħob bħal Runescape u World of Warcraft żgur li mhijiex ħaġa ta’ barra minn hawn.


Il-biċċa tax-xogħol f’dan kollu hija li l-art fil-Metaverse diġà saret tiswa l-eluf fi flus reali! Hemm domanda kbira għaliha. Din mhijiex xi ħaġa li ma kinitx mistennija. Anke fil-logħob online li semmejt aktar qabel ikun hemm domanda kbira għal ħafna oġġetti virtwali. Tant hu hekk li għandek diversi siti li jbigħu l-flus u l-oġġetti ta’ dawn il-logħob – uħud minnhom b’mod illeċitu u illegali wkoll.


Imma allura għaliex huwa attraenti l-Metaverse?

Bażikament il-Metaverse huwa attraenti għal ħafna għaliex dak li ma jkunux jistgħu jagħmlu fid-dinja reali, jkunu jistgħu jagħmluħ virtwalment. Jekk persuna tgħix ħajja normali fil-verità, imma taf li fil-Metaverse jista’ kważi tibda mill-bidu u ssir sinjura, mela dik hija diġà attrazzjoni fiha nnfisha. Jaf ikollok persuni li jsibuha diffiċli jkollhom kuntatt fil-ħajja soċjali, imma li mbagħad fuq il-Metaverse jkunu aktar komdi, u allura fejn fil-verità forsi jkunu riservati, fil-Metaverse kapaċi jkunu jistgħu jiltaqgħu ma aktar nies u jagħmlu aktar kuntatti.


Għandek min jgħidlek ukoll li l-Metaverse huwa prodott tal-inugwaljanza, għaliex min għandu kollox fil-ħajja reali, m’għandux għalfejn imur fil-Metaverse biex jesperjenza affarijiet oħrajn. Dan il-punt nifhmu, u naħseb li l-inugwaljanza tilgħab rwol f’dan kollu. Biss naħseb li xorta waħda l-Metaverse għandu ċertu attenzjoni u opportunitajiet li jafu jkunu attraenti għal ħafna u ħafna nies: inkluż dawk li diġà għandhom kollox.


Ngħiduha kif inhi, f’dinja fejn il-globalizzazzjoni ġabitna aktar viċin xulxin, imma fejn il-pandemija għalqitilna l-fruntieri, il-Metaverse kapaċi jgħaqqad nies f’pajjiżi u kulturi differenti. Jekk jilħaqx il-potenzjal tiegħu, madanakollu, għad irridu naraw.

Ekonomija

Sport