Saturday, December 21, 2024

Xjentisti jwissu dwar aktar varjanti tal-Covid-19; L-Istati Uniti bi tliet varjanti f’inqas minn 24 siegħa

Aqra wkoll

F’inqas minn 24 siegħa xjentisti Amerikani rrapportaw tliet varjanti tal-Covid-19, bl-esperti jgħidu li d-dinja għandha tistenni ħafna aktar varjanti madwar id-dinja kollha.

U x-xjentisti huma tal-fehma li aktar kemm ikun hemm każi ġodda ta’ coronavirus, aktar se jinstabu varjanti ġodda tal-virus.

Dr Trever Bradford, mill-Fred Hutchinson Cancer Center f’kumment li għamel fuq Twitter qal li “l-ipoteżi tiegħi hija li ż-żieda fil-varjanti tal-virus hija attribwita ma’ każi b’infezzjonijiet kroniċi fejn is-sistema immunitarja tal-persuna tagħmel pressjoni kbira biex tfiq mill-virus, u bil-virus min-naħa l-oħra jsaħħaħ il-mod kif jibqa’ fiċ-ċellola.”

Sistemi immunitarji aktar dgħajfin jippermettu lill-virus biex jibq’ preżenti fil-ġisem għal perjodu itwal ta’ żmien, bis-sistema immunitarja tibqa’ tiġġieled il-virus tul il-perjodu kollu. Dan iwassal biex il-virus jaddatta ruħu mas-sistema immunitarja.

Dr Ali Mokdad, epidemoloġista mill-Institute for Health Metrics and Evaluation tal-Univesità ta’ Washington huwa tal-istess fehma. Huwa qal li meta persuni jiġu infettati għal tul twil ta’ żmien dan ikun qed jagħti ċ-ċan lill-virus biex jinbidel fl-istess persuna.

Mokdad żied jgħid li għaldaqstant id-dibattitu dwar jekk persuni għandhomx jieħdu vaċċin jew le huwa dibattitu perikolu ħafna. “Jeħtieġ il-vaċċin biex naċċertaw li meta l-virus jiġi f’kuntatt mal-antibodies immunitarji, jitlef is-saħħa tiegħu fi żmien qasir.”

Ekonomija

Sport