Għadd ta’ xjentisti qed iwissu lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) li dalwaqt jasal il-punt fejn jintilef il-kontroll fuq l-imxija tal-monkeypox, u dan hekk kif il-każijiet madwar id-dinja qegħdin jirduppjaw kull ġimagħtejn. L-istess xjentisti huma tal-fehma li jeħtieġ li jgħaddu numru ta’ xhur oħra biex din l-imxija tilħaq il-milja tagħha.
Skont dak li qiegħda tbassar il-WHO, sat-2 ta’ Awwissu li ġej se jkun hemm irrapportati madwar 27,000 każ ta’ monkeypox fi 88 pajjiż, dan meta bħalissa hemm 17,800 każ f’70 pajjiż. Anne Rimoin, li hija professur tal-epidemoloġija fl-Università ta’ California qalet li din is-sitwazzjoni rridu nilqgħulha. Rimoin kienet fost dawk ix-xjentisti li talbet biex il-monkeypox tiġi rikonoxxuta bħala emerġenza tas-saħħa globali. Il-maġġoranza tal-membri tal-WHO kienu vvotaw kontra din id-dikjarazzjoni, iżda f’mossa bla preċedent id-Direttur Ġenerali tal-WHO Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus iddikjaraha bħala emerġenza xorta waħda.
Il-monkeypox ilha teżisti għal deċennji sħaħ f’partijiet tal-Afrika. Ġara iżda li f’Mejju li għadda bdew jiġu rrapportati każijiet barra minn dan il-kontinent li spiċċaw biex infirxu mal-globu.