L-Aġenzija Xjenza Malta ffirmat tliet MoUs mal-Università ta’ Malta, mal-Kamra Maltija tax-Xjenzati u mal-Aġenzija Sapport, biex tippromwovi aktar ix-xjenza u tkun aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. L-iffirmar tal-ftehimiet ġie presedut mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Permezz tal-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet, Xjenza Malta se tkompli tibni fuq il-kollaborazzjoni strateġika li diġà teżisti ma’ dawn it-tliet entitajiet.
Il-ftehim mal-Università ta’ Malta għandu l-għan li jżid aktar l-għarfien dwar is-suġġetti STEM u fuq l-importanza tal-komunikazzjoni dwar ix-xjenza. Se tkompli l-kollaborazzjoni mal-Esplora fuq career guidance, u studenti se jkollhom il-possibilità ta’ internships. L-Università se tkun qed tagħti sapport akkademiku lill-Esplora biex jitfasslu u jittellgħu ċertu attivitajiet.
Il-ftehim mal-Kamra Maltija tax-Xjenzati se jwassal għal aktar kollaborazzjoni f’attivitajiet, proġetti u avvenimenti tal-Esplora. Dawk il-persuni li huma membri tal-Kamra Maltija tax-Xjenzati se jkunu jistgħu jgawdu minn skont fuq il-ħlas tad-dħul fl-Esplora.
Il-ftehim bejn Xjenza Malta u Aġenzija Sapport se jwassal sabiex persuni b’diżabilità li għandhom il-Karta Ewropea tad-Diżabilità, kif ukoll dawk li jattendu fi gruppi minn lista ta’ entitajiet non-governattivi jew jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport, se jkunu jistgħu jżuru l-Esplora bi ħlas issussidjat. Aġenzija Sapport flimkien ma’ Xjenza Malta se jkunu qed ikopru parti mill-prezz tad-dħul għall-Esplora. Għal dan il-ftehim, Aġenzija Sapport se tkun qed tinvesti s-somma ta’ €15,000 fuq perjodu ta’ 3 snin. Dan se jkopri wkoll il-finanzjament għal liċenzja ta’ Planetarium film, liema film ġie magħżul bi qbil u fuq suġġerimenti ta’ persuni b’diżabilità nfushom.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif dan il-ftehim huwa xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern favur aktar inklużjoni. “L-inklużjoni mhux biss l-aċċessibbiltà. Dan il-qbil se joffri ċ-ċans lil persuni b’diżabilità jinkludu lilhom infushom f’ambjent edukattiv li se jgħinhom jiżviluppaw aktar il-ħiliet soċjali tagħhom. Aġenzija Sapport tinvesti numru ta’ riżorsi biex tkompli tħejji persuni b’diżabilità għal ħajja indipendenti u inizjattivi bħal dawn ikomplu jsaħħu dan,” temmet tgħid il-Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq, “Għal Xjenza Malta, li għadha kif stabbiliet ruħha bħala aġenzija ġdida, dawn il-ftehimiet huma pass fundamentali li se jsaħħu l-kollaborazzjoni mal-komunità xjentifika u edukattiva. Permezz ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet, nistgħu niżviluppaw proġetti konġunti li jibbenefikaw minn perspettivi u għarfien divers, filwaqt li niftħu opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament minn programmi differenti,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ikoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof Alfred J. Vella, il-President tal-Kamra Maltija tax-Xjentisti Dr Alexandra Bonnici u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.