Xjenza Malta, f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Polonja (NCBR), nediet uffiċjalment l-ewwel Sejħa Malta–Polonja għal Proposti ta’ Riċerka u Innovazzjoni (R&I).
Din l-ewwel sejħa timmarka pass importanti ieħor fil-portafoll tal- internazzjonalizzazzjoni li qed tespandi Xjenza Malta, u tkompli ssaħħaħ l-opportunitajiet għar-riċerkaturi u l-innovaturi bbażati f’Malta sabiex jinvolvu ruħhom f’kollaborazzjonijiet internazzjonali ta’ riċerka.
Is-Sejħa Konġunta hija riżultat tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-koperazzjoni fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u dak Pollakk f’Novembru 2024, kif ukoll tal-ewwel Laqgħa Konġunta ta’ Livell Għoli tal-Kumitat Konġunt li saret f’Settembru 2025 f’Villa Bighi, Kalkara. Matul din il-laqgħa, Xjenza Malta u n-NCBR qablu fuq azzjonijiet kooperattivi konkreti bil-għan li jissaħħu r-rabtiet xjentifiċi bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Is-Sejħa Konġunta Malta–Polonja għal Proposti tal-R&I se tappoġġja proġetti kollaborattivi mwettqa b’mod konġunt minn entitajiet ta’ riċerka Maltin u Pollakki f’sitt oqsma tematiċi strateġiċi, allinjati mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti ta’ Malta. Dawn jinkludu l-Manifattura Intelliġenti, it-Teknoloġiji Diġitali, is-Saħħa u l-Benessri, l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi, it-Teknoloġiji Marittimi u tal-Baħar, l-Ajruspazju, l-Avjazzjoni u l-Ispazju, kif ukoll il-Wirt Kulturali.
Entitajiet ta’ riċerka bbażati f’Malta huma mistiedna japplikaw għal appoġġ finanzjarju sa massimu ta’ €150,000 għal kull proġett permezz tal-iskema l-ġdida ta’ Xjenza Malta, Access2GlobalResearch (A2GR). L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Marzu 2026. Wara li Xjenza Malta tapprova l-applikant Malti, il-kollaboraturi Pollakki jridu jissottomettu l-proposta xjentifika tagħhom lill-NCBR taħt l-iskema INNOGLOBO sal-30 ta’ April 2026.
B’turija ta’ appoġġ lejn l-applikanti, Xjenza Malta se torganizza sessjoni ta’ informazzjoni online fis-6 ta’ Frar 2026 fl-10:30 a.m. (CET). Din is-sessjoni se tipprovdi gwida dwar l-eliġibbiltà tal-entitajiet ta’ riċerka, l-ispejjeż eliġibbli, il-proċeduri ta’ sottomissjoni kif ukoll dwar l-għodod ta’ tiftix għall-kollaboraturi, li jinkudu l-Plumtri u l-PartFinder tal-NCBR.
Ir-reġistrazzjoni għall-parteċipazzjoni f’din is-sessjoni se tibqa’ miftuħa sal-4 ta’ Frar 2026.
Għal aktar informazzjoni, l-applikanti li beħsiebhom japplikaw huma mħeġġa jżuru s-sit elettroniku ta’ Xjenza Malta jew jikkuntattjaw lit-Taqsima tal-Internazzjonalizzazzjoni fuq [email protected].

