Wednesday, June 4, 2025

Xjenza Malta tospita avveniment dwar l-enerġija nadifa biex tixpruna l-kollaborazzjoni fir-riċerka fil-Mediterran

Aqra wkoll

Xjenza Malta ospitat avveniment għall-istakeholders bħala parti mill-Clean Energy Transition Partnership (CETP), fejn attendew għalih stakeholders ewlenin fil-komunità tar-Riċerka u l-Innovazzjoni kif ukoll rappreżentanti internazzjonali tas-CETP u esperti ewlenin fis-settur tal-enerġija nadifa.

Is-CETP huwa mutur ċentrali tat-tranżizzjoni tal-Unjoni Ewropea lejn enerġija nadifa taħt Horizon Europe, li jappoġġja l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji u sistemi innovattivi tal-enerġija. Il-ħidma tas-CETP tinkludi t-trawwim ta’ ekosistemi innovattivi u li turi soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa li jikkontribwixxu għall-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030, u l-għan tagħha li tikseb emissjonijiet żero netti sal-2050.

Permezz ta’ dan l-avveniment, Xjenza Malta saħħet l-impenn tagħha għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-enerġija nadifa, filwaqt li affermat mill-ġdid il-parteċipazzjoni attiva ta’ Malta f’din is-Sħubija Ewropea strateġika. L-avveniment enfasizza wkoll l-isforzi ta’ Malta biex tippromwovi l-kollaborazzjoni reġjonali madwar il-Mediterran u biex tallinja l-prijoritajiet nazzjonali mal-aġenda usa’ tal-UE dwar il-klima. L-avveniment ippermetta djalogu sinifikanti u sinerġiji bejn l-atturi nazzjonali u internazzjonali, filwaqt li saħħaħ ir-rwol ta’ Malta bħala pont bejn l-innovazzjoni lokali u l-miri Ewropej tal-enerġija nadifa. 

Ġiet imnedija wkoll is-Sejħa Konġunta Transnazzjonali 2025 tas-CETP għall-proġetti ta’ Riċerka u Innovazzjoni. B’baġit ta’ €500,000 għal kull proġett, Xjenza Malta stiednet lill-partijiet interessati kollha biex japplikaw u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta’ networking li saru possibbli permezz tal-avveniment.

Fid-diskors tiegħu waqt l-avveniment, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza li, “Il-Gvern, permezz ta’ Xjenza Malta, qed jgħaqqad ir-riċerkaturi, l-innovaturi u l-intrapriżi tagħna mal-kontropartijiet tagħhom madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Malta kienet fost l-ewwel sostenituri ta’ din is-Sħubija fejn ġew allokati madwar €3.5 miljun għal Sejħiet Konġunti Transnazzjonali, li diġà qed jagħtu riżultati tanġibbli. L-avveniment tal-lum huwa aktar minn sempliċi laqgħa. Huwa pjattaforma għal sħubijiet ġodda u ideat kuraġġużi, u nħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha preżenti biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv, speċjalment mas-sħab internazzjonali.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri, żied, “Dan l-avveniment ta l-opportunità li nifhmu aħjar il-ħtiġijiet, l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ Malta, kif ukoll il-punti b’saħħithom u l-oqsma li jeħtieġu titjib. L-avveniment iservi bħala pjattaforma biex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-partijiet ikkonċernati lokali u jiġi żgurat li leħinhom jinstema’ fit-tiswir tal-futur tal-enerġija nadifa f’pajjiżna. Permezz tal-appoġġ tas-CETP, Malta tista’ sservi bħala bażi għall-ittestjar u mexxej fit-tressiq ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jservu lir-reġjun u lill-UE kollha kemm hi.”

Is-Sejħa Konġunta Transnazzjonali għall-2025 hija miftuħa sad-9 ta’ Ottubru 2025.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport