Friday, August 8, 2025

X’kien il-każ tat-3 kilogrammi ġelatina li nstabu fil-pedamenti waqt tqegħid ta’ blokka fil-port ta’ Marsaxlokk?

…ftit qabel kien hemm il-Perit Mintoff

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħal dan iż-żmien 40 sena ilu, kienet inbdiet investigazzjoni dwar sejba mill-aktar suspettuża.  L-investigazzjoni kienet tikkonċerna is-sejba ta’ splussiv tal-ġelatina taħt il-pedamenti fil-proġett ta’ Marsaxlokk. L-isplussiv tpoġġa f’post fejn kellha titpoġġa blokk tal-konkrit, fejn kien ingħad li kieku bugħaddas ma sabx dan l-isplussiv, meta tinżel il-blokka dik l-istess ġelatina kienet tisplodi b’konsegwenzi traġiċi għall-ħaddiema li kien hemm.

Dan il-każ kien seħħ proprju bħal dan iż-żmien 40 sena ilu. Dakinhar kien ġie rrappurtat hekk: “kwantità ta’ ġelatina instabet minn bugħaddas fil-pedament tal-breakwater tal-Proġett ta’ Marsaxlokk fejn kienet se titpoġġa blokka kbira tal-konkrit.  Mumenti biss qabel ma kienet se titpoġġa l-blokka, kien hemm fuq il-post uffiċjali tax-Xlokk Construction fosthom l-eks Prim Ministru Dom Mintoff li minkejja li għalaq żmien kien daħal xorta waħda għax-xogħol bħas-soltu. 

Mas-sejba tal-ġelatina, issejħu fuq il-post mill-ewwel il-Pulizija tad-Dipartiment ta’ l-Investigazzjoni Kriminali li flimkien ma’ uffiċjali  tat-Task Force u -Forzi Armati iltaqgħu b’urġenza biex jistħarrġu din is-sejba ta’ ġelatina”.

Dakinhar kien ingħad b’ċertu insistenza li dan seta’ kien każ ta’ sabutaġġ. Kien intqal li “hu mifhum tajjeb li din il-ġelatina, li kienet f’ammont ta’ madwar tliet kilogrammi instabet fil-baħar minn għaddas li dak il-ħin kien jispezzjona l-qiegħ fejn kienet se titniżżel il-blokka enormi f’ras il-breakwater.”

Kien intqal li “l-ġelatina kienet impoġġija b’mod li malli tintlaqat jew tingħafas, tisplodi. Ta’ min jgħid li sa filgħodu kienu ħafna  dawk li kienu jafu li kien ippjanat li titniżżel il-blokka fil-baħar. Is-sejba saret tul il-pedament ftit mument biss qabel ma kienet se titniżżel il-blokka ta’ madwar ħamest elef tunnellata fuq il-post eżatt fejn instabet il-ġelatina.”

Rapport imxandar f’L-ORIZZONT kien irrapporta li “l-istess imkejjen ta’ min jorbot fuqhom qalu li kieku l-blokka laħqet tniżżlet u l-ġelatina tgħaffġet u splodiet, kieku kienet tikkaġuna ħsara kbira fil-breakwater u setgħet swiet il-ħajja ta’ dawk kollha li dak il-ħin kienu hemm.”

Kien intqal li ftit ħin wara issejħu fuq il-post il-Pulizija li bdew bl-istħarriġ tagħhom. Kien hemm il-Logutenent  u Chairman tal-Monitoring Board tal-Proġett, Maurice Calleja u l-Maġġur Albert Camilleri, it-tnejn esperti ta’ l-isplussivi. Kien hemm ukoll il-Kaptan tal-Forzi Armati, Raymond Cutajar u ċ-Chairman ta’ Xlokk Construction Victor Galea fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport