Friday, August 15, 2025

X’messaġġi qegħdin jaslu għand il-poplu?

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew raġel barrani li ftit ġranet qabel kien wasal għal btala f’Malta, instab ħati mill-Qorti li ta fastidju sesswali lil impjegata fil-lukanda fejn kien residenti. Li ma kienx għar-reżistenza tal-impjegata l-esperjenza kerha li għaddiet minnha setgħet kienet agħar. L-akkużat ammetta ħtijietu. Il-Qorti laqgħet talba tad-Difiża, u li għaliha ma kien hemm ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Prosekuzzjoni, biex isem dan ir-raġel, Żvizzeru, ma jixxandarx. Ir-raġuni li ngħatat kienet għax huwa a politically exposed person u li l-inċident jista’ jkollu impatt serju fuq il-karriera tiegħu.

Bir-rispett kollu lejn il-Qorti, Prosekuzzjoni u Difiża, ma nistax nifhem ir-raġunament adottat fid-deċiżjoni imsemmija. Skużi, imma li l-inċident jista’ jkollu impatt serju fuq il-karriera tiegħu kien imissu rah dan il-galantom Żvizzeru nnifsu. Kien imissu aġixxa ta’ nies. X’ħaseb dan, li għax impjegata fattiga għandha tkun trattata bħala xi persuna inferjuri għalih? Ħaseb li kull persuna oħra hija litteralment żibel bħalu?

Imma mhux biss. Nixtieq nistaqsi lill-Qorti, lill-Avukat Difensur u lill-Uffiċjal Prosekutur x’kienet tkun ir-reazzjoni tagħhom kieku dik il-miskina impjegata tal-lukanda kienet binthom? Kif kienu jħarsu lejn is-sitwazzjoni? Ikkunsidraw jew le x’effett jista’ jkollha t-trawma li għaddiet minnha din l-impjegata?

Tgħidulix biex inħares lejn is-sentenza: sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Tgħidulix li sentenza bħal din isservi ta’ deterrent. Ibqgħu ċerti li l-galantom Żvizzeru l-aktar li kien jiddejjaq minnu kien li jkun espost. Li ismu jixxandar fl-Iżvizzera. La darba dan l-annimal ġie jaqa’ u jqum minn għemilu ma kellix tkun il-Qorti Maltija li litteralment taġevolah. Anzi. Mill-Qorti tagħna kont nippretendi li s-sentenza tagħha kellha tinkludi t-tkeċċija immedjata tiegħu minn Malta.

Biċċa imbarazz din il-kwalità mhux postha fostna.

Sentenza oħra li ġġiblek għajnejk wara widnejk hija dik li ngħatat fil-jiem li għaddew ukoll fil-konfront ta’ turist Ġermaniż ta’ 26 sena. Inkredibbli: ammetta li saq mutur għarwien u bi traskuraġni. Qalulna li l-imputat mar l-Għassa tal-Pulizija minn jeddu u kkopera mal-Pulizija. Qalulna wkoll li d-Difiża qalet li huwa talab skuża għal dak li għamel. 

Tarax xi ħlew hux! Miskin talabna skuża! U l-Qorti jaħasra mmultatu €1,200 kif ukoll sospensjoni tal-liċenzja għal sitt xhur u multa amministrattiva ta’ ftit aktar minn €20!!!!!!!!!!!

Bir-rispett kollu lejn kulħadd. Inħoss li deċiżjonijiet bħal dawn mill-Qrati tagħna joffendu l-intelliġenza tagħna. Xi skuża setgħet inġiebet quddiem il-Qorti minn dan il-galantom Ġermaniż biex ħassu liberu jsuq mutur GĦARWIEN? Qatt ma qrajt li fil-Ġermanja huwa permissibbli li ssuq mutur GĦARWIEN. Kif daħħalha f’moħħu li dak li ŻGUR li jaf li mhux permissibbli f’pajjiżu huwa permissibbli  f’pajjiżna?

U din mhux oħra! Sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur meta aktar iva milli le dan il-galantom ġie fostna għal ftit jiem. Jekk tistaqsi lili x’naħseb li jmissu sar ngħidlek li l-pass li kien l-aktar addattat naħseb li huwa li mill-awla tal-Qorti kellu jittieħed dritt l-ajruport, ikun imġiegħel jaqta’ biljett tal-ajru mal-ewwel titjira disponibbli, tkun għal fejn tkun, u jekk ma tkunx għal pajjiżu allura jkun ordnat jaqta’ wkoll biljett ta’ connection flight li twasslu pajjiżu u b’ordni li lejn pajjiżna m’għandux għalfejn jaħseb li xi darba jkun aċċettat.

Imbarazz bħal dan mhux postu magħna Xejn iżjed u xejn inqas. Nixtieq inkun naf x’pieni jikkontemplaw il-Qrati Ġermaniżi għal min isuq mutur GĦARWIEN.

Nimmaġinak tgħid: Frans qed jikteb b’rabja llum! Għandek raġun. Iva rrabjat. Anzi rrabjat doppjament. Imnejn sa fejn għandu jkun hawn fostna min jitrattana u jinsulentana b’dan il-mod? Imnejn sa fejn il-Qrati tagħna għandhom ikunu daqstant lenjanti ma’ min jittrattana b’dan il-mod?

Ma tistax u ma jkunx raġunament tajjeb li titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa. Huwa ovvju li mhux kull Żvizzeru li jiġi Malta jaġixxi bil-mod annimalesk li aġixxa dak li l-Qrati tagħna ħassew li għandhom iħarsu lejn l-impatt negattiv li għemilu jista’ jkollu fuq il-futur tal-karriera tiegħu. Daqstant ieħor huwa ovvju li mhux kull Ġermaniż li jżurna se joħroġ isuq GĦARWIEN. Anzi. Imma nemmen li l-Qrati tagħna għandhom jużaw ponn azzarjat ma’ imbarazz ta’ dik il-kwalità.

Fit-titlu ta’ dan il-kummentarju staqsejt X’messaġġi qegħdin jaslu għand il-poplu?Jien, parti mill-poplu. L-interpretazzjoni tiegħi tal-messaġġ li wasal għandi biż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qrati huwa li milli jidher il-Qrati tagħna tilfu s-sensittività tagħhom. 

Jekk ma nurux rispett lejna nfusna aħna stess għaliex għandna neħduha bi kbira li ħaddieħor ma jurix rispett lejna?

Messaġġ ieħor li nemmen li huwa negattiv għal min hu rett u onest huwa dak li minn żmien għal żmien toħroġ minn xi Awtorità bħala hija dik tal-Ippjanar. Bini illegali li għalih tkun imġiegħel tħallas kumpens u barra bid-daqq! Dak li kien illegali f’daqqa waħda jsir legali. La kien illegali tajru minn hemm u mhux indaħħku n-nies bina. Mhux bilfors li l-għajta tkun: SKONT MIN INT!

Kemm kellu raġun in-nannu Grezzju Manxela meta kien jgħidli Frans żommha f’moħħok din. Bil-flus tagħmel triq fil-baħar.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport