Thursday, March 13, 2025

X’naħseb li għandu jsir

Aqra wkoll

Qatt ma emmint u qatt ma ppretendejt li x-xemx fuq pajjiżna telgħet f’Marzu 2013. Tlugħ ix-xemx minnu nnifsu dejjem ifisser bidu ta’ jum ġdid, imma jfisser ukoll li fil-jum ta’ qabel kien hemm inżul ix-xemx. Ifisser ukoll li l-jum preċedenti kellu wkoll l-istorja tiegħu. Nemmen li jkun żball jekk inħallu għaddejja qisha qatt ma kienet l-istorja tal-jum ta’ qabel.

Dritt għall-punt. Naħseb, u nemmen, li kull Ministeru għandu jippubblika kull liġi li daħħlu Gvernijiet Laburisti minn Marzu 2013 ‘il hawn. Isem il-liġi u paragrafu qasir dwar din x’fissret għall-poplu. Ma tagħmel ebda differenza min kien jew min kienet il-Ministru responsabbli. Qed nitkellem bħala Gvern kollettiv.

Naħseb u nemmen li dak li qed nipproponi jista’ jilħaq żewġ għanijiet. Meta qed infakkrek x’introduċejt qiegħed awtomatikament ngħidlek li dik il-ħaġa partikolari ma kinetx hemm. Ma kontx qed tgawdi minnha. Faċilment tinnota li ħaddieħor jew qed jipprova jaljenak minn dak li sar, u allura fl-istess ħin inessi l-passat tiegħu, jew inkella jgħidlek li jmissu jsir aktar anke jekk hu ma jkun għamel litteralment xejn dwaru!

Għandu jkun hemm elenku sħiħ ta’ x’sar. Sar ħemel xogħol f’kull qasam tal-ħajja. Mill-qasam tas-saħħa sa dak edukattiv. Minn dak ta’ benefiċċji soċjali għal dak infrastrutturali. Minn dak turistiku għal dak ta’ affarijiet barranin. Minn dak parlamentari għal dak ġudizzjarju. Minn dak ta’ inklużjoni għal dak ta’ volontarjat. Minn dak kulturali għal dak ta’ sussidju kontinwu fuq il-prezzijiet tal-enerġija. U tista’ tibqa’ għaddej. Il-lista hija twila. Lista li tagħmel unur lil min wettaqha.
Ebda Ministeru m’għandu jinqabad lura f’tali rendikont. Anzi. Għandu jaġġornah kontinwament u jfakkru b’mod regolari. M’għandux jaqa’ fin-nassa ta’ min irid inessi dan kollu. Ovvju l-iskop ta’ min irid inessih u allura m’għandix niżfen għall-mużika tiegħu. M’għandix niddejjaq nirrepeti u kontinwament infakkar dak li għamilt. M’għandi qatt nieqaf infakkar li xejn ma’ jaqa’ mis-sema. Li xejn ma jiġi waħdu. Li kollox huwa riżultat ta’ ħidma kontinwa, determinazzjoni u rieda.

[email protected]

Xogħol tajjeb mill-President tal-PL

Qatt ma kelli dubju mid-determinazzjoni tal-Avukat Alex Sciberras li jagħmel ħiltu kollha biex jaqdi mill-aħjar possibbli li jista’ il-kariga ta’ President tal-Partit Laburista. In-nannu tiegħi Grezzju Manxela kien jgħidli li skont iz-zokk il-fergħa. Inzerta li l-Avukat Sciberras huwa fergħa minn zokk għammiel sewwa ffurmat mill-għażiż missieru l-mibki Imħallef Philip Sciberras u ommu Rose, mara tenaċi u determinata għall-aħħar f’ħidma retta.

Qed ninnota li l-Avukat Sciberras qiegħed jikkontribwixxi tista’ tgħid regolarment fil-midja soċjali fil-paġna tiegħu fuq Facebook. Qiegħed jittratta b’modi differenti imma dejjem ta’ spjegazzjoni. Kemm jekk qed jiddefendi xi attakk min-naħa tal-Oppożizzjoni, attakk kemm jekk malinn kif ukoll jekk mhux, kif ukoll b’mod ta’ spjegazzjoni dwar x’mira jkollu l-Partit Laburista fil-Gvern dwar suġġetti partikolari u ġeneralment attwali.

Qed ngħid dan bl-akbar sinċerità u mhux dak li jissejjaħ ‘dlik bix-xemgħa’. Konna neqsin minn din it-tip ta’ politika. Il-mod kif l-Avukat Sciberras jispjega, kif jagħmel l-argument, huwa wieħed li tieħu gost taqrah u sempliċi biex issegwih. Qed jagħmel tajjeb il-Partit Laburista li qed jibgħat lill-Avukat Sciberras jirrappreżentah f’dibattiti u diskussjonijiet fuq il-mezzi varji tax-xandir, kemm jekk pubbliku kif ukoll privat.

Inħoss li dan għandu jkun il-mod proattiv ta’ kif għandu jkompli jaħdem il-Partit Laburista fejn jikkonċerna xandir, formazzjoni ta’ opinjoni pubblika. Proattiv, biex l-aġenda jiddettaha l-Partit Laburista fil-Gvern u mhux dejjem jiddefendi. L-attakk huwa l-aħjar mod ta’ difiża. Sadattant nemmen li difiża jrid ikun hemm ukoll, imma nemmen bis-sħiħ f’difiża proattiva, joħroġ ‘jiddefendi’ qabel ma jsir ‘attakk’ li jista’ jkun mistenni.

Fi kliem sempliċi: jinġibed it-tapit minn taħt saqajn ħaddieħor.

Prosit Dr Sciberras.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport