Monday, October 27, 2025

X’nistennew fil-budget tal-lum?

Aqra wkoll

Il-budget li se jiġi ppreżentat illum mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għandu sinifikat partikolari. Dan se jkun ir-raba’ budget minn ħamsa f’din il-leġiżlatura, bit-tema magħżula tkun “Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna”. U proprju wara din it-tema hemm il-qofol ta’ dawk il-miżuri li se jkunu qed jiġu mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla. U dan kollu jista’ jsir għaliex għandna ekonomija b’saħħitha, li kompliet tikber b’rata ogħla mill-medja Ewropea. 

B’kuntrast ma’ dan, ir-realtà f’pajjiżi oħra Ewropej hi kompletament differenti. Qed naraw Gvernijiet oħra illi qed ikunu kostretti jnaqqsu l-ispiża tagħhom minħabba l-isfidi kbar li qed jaffaċċjaw, fl-istess waqt li qed jitfgħu aktar piżijiet fuq in-nies. Min-naħa l-oħra, f’Malta, l-andament ekonomiku huwa wieħed b’saħħtu, għandna l-akbar ammont ta’ nies jaħdmu u l-qagħda fiskali ta’ pajjiżna qed titjieb minn sena għall-oħra. 

Minħabba f’dan it-track record tal-Gvern, li Budget wara l-ieħor ikompli jwieżen lill-familji u n-negozji mingħajr l-introduzzjoni ta’ ebda taxxi ġodda, nemmnu li l-Budget tal-lum se jkompli miexi f’din id-direzzjoni u b’hekk ikompli jsostni lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna b’inċentivi biex kemm jista’ jkun ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. 

Fi ftit kliem nemmnu li dan il-Budget se jkompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar biex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi tkompli miexja ’l quddiem u għada jkun aħjar mil-lum u mill-bieraħ. Huwa għalhekk li l-budgets li ġew preżentati f’dawn l-aħħar snin, wieħed wara l-ieħor, biddlu għalkollox in-narrattiva u l-perċezzjoni tal-poplu.

Dan nistgħu nixhduh mill-kummenti tan-nies fit-toroq, li meta tkellimna magħhom, irrikonoxxew it-titjib li sar tul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari fil-qasam soċjali. Saret referenza għaż-żieda fil-pensjonijiet, bin-nies jesprimu t-twemmin sħiħ tagħhom li fil-Budget 2026 se terġa’ titħabbar żieda oħra f’dan ir-rigward. Fost temi oħra li n-nies jixtiequ jaraw enfasi akbar fuqhom hemm l-ambjent, l-infurzar u l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li l-Budget tal-lum se jkun wieħed li jiggarantixxi kwalità ta’ ħajja b’inizjattivi f’diversi oqsma li se jkomplu jgħinu lil kulħadd biex jitla’ l-iskaluni soċjali tiegħu. Aħna konvinti wkoll li dan il-budget se jagħti opportunità li tiġi mfissra l-Viżjoni Malta 2050 li se tkun qed tiffoka fuq direzzjoni strateġika ta’ kwalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport