Ġie fi tmiemu l-perjodu festiv tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena. Huwa għalhekk illi issa f’dawn il-jiem bosta ħaddiema jkunu qegħdin jirritornaw lura għax-xogħol u l-istudenti jidħlu lura l-iskola sabiex ikomplu s-sena skolastika.
Bħalma jiġri dejjem, dan se jkun qiegħed iżid il-volum tat-traffiku fit-toroq Maltin partikolarment f’dawk it-toroq u arterjali u prinċipali li minnhom jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum, fis-sigħat kollha tal-ġurnata.
Minkejja dan, l-awtoritajiet responsabbli mit-trasport, qed ikomplu jagħtu l-attenzjoni kollha għall-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw miż-żieda ta’ karozzi l-iktar dawk privati. Huwa kollu minnu li ħadd ma jista’ jsolvi l-problemi tat-traffiku mil-lejl għan-nhar iktar u iktar meta jitqies kemm karozzi ġodda qed jiżdiedu fit-toroq kuljum.
Quddiem dan kollu, naqblu li matul is-snin rajna diversi żdidiet fl-inċentivi biex ikun hemm aktar trasport alternattiv fosthom it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd. Minkejja dawn id-diversi servizzi, xorta għadek issib dawk li jippreferu jagħmlu użu mill-karozza privata tagħhom flok jużaw it-trasport pubbliku.
Illum bosta familji għandhom iktar minn karozza waħda u dan il-fatt jista’ jkun li jikkontribwixxi għal konġestjoni tat-traffiku u anki għal problema ta’ parkeġġ. Huwa faċli li wieħed igerger jew jikkritika, imma jkun iktar għaqli jekk dan joħroġ b’soluzzjoni.
Qatt ħsibna kemm kieku niffrankaw karozzi u traffiku jekk wieħed li jiddeċiedi li jgħaddi għal dak li jkun flok juża l-karozza privata tiegħu? Dan kemm fejn tidħol il-familja, kif ukoll għall-istudenti, il-għaliex karozza waħda hija biżżejjed u l-aqwa li jekk ikollok fejn tmur, tasal xorta.
Bla dubju, is-soluzzjoni mhijiex waħda faċli u għaldaqstant hi inġusta kull kritika li ssir għall-fatt li ħafna mit-toroq f’pajjiżna qed jinbnew mill-ġdid u jitwessgħu. B’dan però m’aħniex niġġustifikaw il-konġestjonijiet li jinħolqu minn volum tat-traffiku qawwi fit-toroq.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, ma rridux ninsew li l-Gvern ħabbar diversi miżuri, fosthom il-fatt li fit-toroq fil-ħin fejn l-iktar ikun hemm traffiku, qed ikun hemm il-preżenza ta’ diversi uffiċjali ta’ Transport Malta, li l-għan tagħhom huwa li jikkontrollaw it-traffiku.
Wieħed għandu japprezza l-isforzi li qed isiru f’dan ir-rigward. Filwaqt li nħarsu ‘l quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, huwa tajjeb ukoll li nirrikonoxxu li kull wieħed u waħda minna jeħtieġ li jagħmel l-isforz tiegħu sabiex din il-problema tittaffa.



