Wednesday, April 24, 2024

Xogħlijiet ta’ Giorgio Preca mislufin lil Heritage Malta biex jiġu esebiti għall-ewwel darba f’pajjiżna

Aqra wkoll

Diversi xogħlijiet tal-artist Malti Giorgio Preca waslu Malta minn Ruma, wara li ġew mislufin lil Heritage Malta mingħand il-familja tiegħu biex aktar tard din is-sena jiġu esebiti f’wirja. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn ix-xogħlijiet qatt ma dehru fil-pubbliku u se jkunu qed jintwerew għall-ewwel darba f’pajjiżna.

Ix-xogħlijiet jikkonsistu f’21 pittura, erba’ tpinġijiet, u sitt oġġetti taċ-ċeramika li Preca kien juża biex ipitter still lifes. Fosthom hemm xogħlijiet li l-artist ħadem f’Ruma, fejn emigra b’mod permanenti fl-1956 u fejn baqa’ attiv sa mewtu fl-1984.

Fil-wirja, dawn se jingħaqdu ma’ pittura oħra tal-istess artist li Heritage Malta xtrat f’Mejju tal-2019 u li hija awtoritratt ta’ Preca. Hu ppjanat li l-wirja tinfetaħ f’Diċembru li ġej u tibqa’ għaddejja għal diversi xhur.

Il-pitturi li nġiebu minn Ruma jinkludu temi immaġinattivi, astratti, still lifes u pajsaġġi fl-idjoma distintiva ta’ Preca, li kien meqjus mill-ġenerazzjoni ta’ artisti ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-arti moderna f’Malta, jekk mhux l-aqwa wieħed fosthom, kif bosta rrimarkaw. Dan seħħ partikolarment fis-snin wara l-ewwel wirja importanti tiegħu fl-1947.

Giorgio Preca twieled fl-1909 u studja fl-Iskola tal-Arti tal-Gvern. Għalkemm ma kisibx borża ta’ studju mill-Gvern biex ikun jista’ jistudja barra minn Malta, Preca kompla l-istudji tiegħu f’Ruma, fir-Regia Accademia di Belle Arti, kif ukoll fil-British Academy, immexxija minn Antonio Sciortino li saħansitra laħħaq lil Preca assistent tiegħu. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-artist ġie ingaġġat bħala restawratur mill-Mużew Nazzjonali ta’ Malta.

L-istoriċi tal-arti minn dejjem għarfu s-sehem ewlieni li kellu Preca bħala pijunier tal-arti moderna f’Malta. Huwa jibqa’ meqjus bħala artist importanti u innovattiv, li fost oħrajn tratta s-suġġett kontroversjali tal-aljeni.

F’konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbret il-wasla f’Malta tax-xogħlijiet ta’ dan l-artist u fejn kien preżenti wkoll Massimo Preca, iben l-artist, Anthony Scicluna, Chairman ta’ Heritage Malta, qal li minkejja l-isfidi kbar li ġabet magħha l-imxija tal-Covid-19, din l-aħħar sena kienet waħda ta’ akkwisti artistiċi kbar għal Heritage Malta, fost oħrajn bil-wasla lura Malta tal-pittura ta’ Mattia Preti ‘Boezju u l-Filosofija’ u l-wirja li għaddejja bħalissa f’MUŻA bi tlettax-il kapolavur ta’ artisti kbar li ġew mislufa lil Heritage Malta għal perjodu twil. Ma’ dawn se tiżdied il-wirja temporanja bix-xogħlijiet ta’ Preca, li permezz tagħha Heritage Malta se tkompli taqdi l-missjoni tagħha li tqarreb il-wirt kulturali lejn il-poplu. Din il-missjoni ta’ aċċessibbiltà f’din il-wirja se tieħu xejra b’tifsira ikbar mis-soltu, għax ħafna mix-xogħlijiet ta’ Preca li ġew mislufa lill-aġenzija se jkunu qed jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom fil-pubbliku.

Mario Cutajar, Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li minkejja l-importanza tiegħu fl-istorja tal-arti ta’ pajjiżna, u minkejja r-rispett li kien igawdi fost sħabu l-artisti, Preca baqa’ mhux magħruf wisq mill-pubbliku Malti. Huwa faħħar il-pass għaqli ta’ Heritage Malta li akkwistat b’self dawn ix-xogħlijiet ta’ Preca biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdihom għall-ewwel darba filwaqt li Malta tagħraf kif jixraq lil wieħed minn uliedha li bl-arti li ħoloq għamel unur lilu nnifsu u lil art twelidu.

Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, tkellem dwar l-isfidi li għelbet l-aġenzija biex tagħmel din il-wirja possibbli. L-ewwel sfida kienet li x-xogħlijiet ta’ Preca attwalment jinġiebu Malta. Hemm ukoll l-isfidi li toffri l-esibizzjoni nnifisha, li trid tiġi ppreżentata b’mod li jiżgura esperjenza ħolistika għall-viżitatur biex dan iżomm post ċentrali fl-operat kollu tal-aġenzija.

Kenneth Cassar, Kuratur għall-Etnografija u l-Arti fi ħdan Heritage Malta, qal li l-wirja se tagħmel ġustizzja ma’ Giorgio Preca, meqjus fost il-pijunieri tal-arti moderna f’Malta, li ħalla lil pajjiżna u rnexxielu jistabbilixxi ruħu f’Ruma. Din se tkun opportunità sabiħa biex jiġu studjati xogħlijiet ġodda flimkien mal-iżvilupp artistiku ta’ artist importanti li ftit li xejn ingħatalu l-ġieħ li jistħoqqlu. Fost affarijiet oħra, dawn ix-xogħlijiet se jgħinuna nifhmu l-personalità ta’ Preca, ir-raġuni għala ħalla lil Malta, kif ukoll il-konnessjonijiet tiegħu, kemm dawk li żamm ma’ Malta f’diversi żjarat li għamel f’art twelidu kif ukoll dawk li stabbilixxa mal-kurrenti artistiċi f’Ruma.

Anthony Spagnol, Konservatur Anzjan ma’ Heritage Malta, tkellem dwar it-teknika ta’ Preca kif ukoll l-istat ta’ konservazzjoni li jinsabu fih il-pitturi mislufin lil Heritage Malta.

Huwa qal li fi wħud minn dawn il-pitturi, il-ħxuna taż-żebgħa kkawżat deformazzjonijiet fit-tila iżda hemm ukoll xogħlijiet fejn ftit li xejn hemm saffi ta’ żebgħa u fejn id-daqqiet tal-pinzell huma mgħaġġla u spontanji. Dan jindika li Preca ma kienx jagħti kas wisq tal-formoli stabbiliti li jiddettaw kif wieħed għandu juża l-materjal biex jibni pittura. Għall-kuntrarju, kienet it-teknika espressiva tiegħu li tiddetta l-proċess pittoriku tiegħu.

Sport