Għaddej xogħol infrastrutturali fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq sabiex jissaħħu s-servizzi tad-dawl u l-ilma. Ix-xogħol għandu jwassal għal servizz aħjar lir-residenti tal-lokalità, li tisboq is-6,000 resident.
Waqt żjara fil-lokalità mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Sindku ta’ Ħal Għaxaq Karl Boxall, Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma spjegaw li l-proġetti li għaddejjin se jwasslu għal stabbiltà fil-provvista tal-elettriku u titjieb fin-network tal-ilma tax-xorb u n-network tad-drenaġġ.
“Qed ninsistu li x-xogħol isir b’kollaborazzjoni sħiħa bejn l-entitajiet u b’kooperazzjoni sħiħa mal-kunsilli lokali sabiex nassiguraw li l-proġetti tassew ikunu qed jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunità filwaqt li l-inkonvenjent ikun minimu. Ir-realtà ta’ xogħlijiet infrastrutturali mhijiex waħda faċli iżda ċertament li bi pjan u b’effiċjenza nkunu nistgħu nwasslu dawn il-proġetti wkoll,” tenniet il-Ministru Miriam Dalli.
Fil-fatt, ix-xogħol infrastrutturali qed isir b’kollaborazzjoni sħiħa sabiex is-servizzi jingħaddu f’daqqa.
L-Enemalta għaddejja b’xogħol ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni. Bil-kollaborazzjoni ta’ Infrastructure Malta u Transport Malta, qed jitpoġġew 6.4 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art. Dan bil-għan li jissaħħaħ in-network tal-elettriku f’Ħal Għaxaq u l-madwar, u tiżdied il-flessibilità fin-network f’każ ta’ diffikultajiet. Dan il-proġett huwa parti mill-proġett ta’ 60km ta’ cables ġodda taħt l-art f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex.
Matul din is-sena, f’Ħal Għaxaq, l-Enemalta se tkun qiegħda wkoll tikkummissjona żewġ substations ġodda u tkompli taħdem fuq in-network tal-vultaġġ baxx. Fil-fatt, fix-xhur li għaddew, l-Enemalta għamlet bosta xogħlijiet fuq low voltage feeders ġodda fil-qalba tar-raħal u kkummissjonat substation ġdida.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, sar investiment biex tittejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb. Il-proġett, li issa wasal fl-aħħar stadji u li hu skedat biex jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin, għandu l-għan li jiżgura li n-network tal-Korporazzjoni jkun mgħammar bis-sħiħ biex jissodisfa kemm id-domanda attwali kif ukoll dik futura, u jsaħħaħ il-missjoni tal-Korporazzjoni li tipprovdi servizzi effiċjenti lill-komunità.
Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq Karl Boxall qal, “Dawn l-investimenti ferm importanti għal-lokalità tagħna ser ikunu qegħdin isaħħu s-servizzi tal-ilma, drenaġġ u dawl. Nirringrazzja lil Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dan ix-xogħol importanti biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura.
Filwaqt li dawn ix-xogħlijiet jaf iġibu inkonvenjent fuq ir-residenti, nirringrazzjahom tal-koperazzjoni li qegħdin insibu mingħandhom biex ix-xogħlijiet jitwettqu bl-inqas inkonvenjent.”
L-investiment kumplessiv tax-xogħlijiet imsemmija huwa t’aktar minn €2.4 miljun. Preżenti għaż-żjara kien hemm iċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.