Matul ix-xhur tas-sajf il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għaddej b’xogħol kbir ta’ manutenzjoni, tisbiħ u modernizzar fl-iskejjel kollha li jiffurmaw il-kulleġġi skolastiċi madwar il-pajjiż. Dan ix-xogħol, li huwa apparti x-xogħol l-ieħor li għaddej f’dik li hija infrastruttura edukattiva ta’ tkabbir ta’ skejjel u skejjel ġodda, huwa investiment ieħor f’uliedna li jlaħħaq il-miljun euro.
Waqt żjara li għamel f’uħud mill-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li, “Matul is-sena kollha hemm grupp dedikat ta’ ħaddiema li jieħdu ħsieb dan ix-xogħol biex l-ambjent edukattiv dejjem ikompli jitjieb. F’dawn il-jiem li l-iskejjel huma magħluqin għall-vaganzi tas-sajf, ħadna l-okkażjoni biex ix-xogħol nibqgħu għaddejin bih matul il-ġurnata kollha. Ix-xogħol kbir fl-infrastruttura edukattiva jinkludi l-bini ta’ skejjel ġodda, estenzjonijiet u tisbiħ ieħor, u għandna wkoll grupp ta’ ħaddiema li b’impenn jaraw dan li dan ix-xogħol jibqa’ għaddej ukoll.”
Dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni qed isir fil-parti l-kbira tal-iskejjel u huwa partikolari għall-bżonnijiet ta’ kull skola. Ix-xogħol ivarja minn tikħil, tibjid u twaħħil ta’ madum, tibdil ta’ suffetti u tisbiħ ta’ uffiċċji u klassijiet, sa installazzjonijiet ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda u wkoll tibdil ta’ membranes u aperturi.
Dan huwa biss ftit mix-xogħol ta’ manutenzjoni li jibqa’ għaddej matul is-sena kollha, imma li jintensifika meta l-iskejjel jingħaqlu fis-sajf u matul dan il-perjodu jsir xogħol li ma jkunx jista’ jsir waqt li t-tfal ikunu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom flimkien mal-edukaturi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima rringrazzja lil ħaddiema kollha li għaddejjin b’dan ix-xogħol li permezz tiegħu se jgawdu l-edukaturi u l-istudenti kollha għaliex kif tibda s-sena skolastika li jmiss se jsibu ambjent edukattiv imtejjeb u ferm aħjar.