Monday, July 21, 2025

Xogħol komunitarju wara li kisser windscreen bi briksa

Aqra wkoll

Roderick Bonnici ta’ 38 sena minn Ħal Qormi ġie ordnat jagħmel 60 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammetta li kisser windscreen ta’ vann fil-Mellieħa.

Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ April ta’ din is-sena fiż-żona magħrufa bħala “Tal-Qortin”. Bonnici nstab ħati li kiser il-paċi pubblika, li għamel reat waqt sentenza oħra tal-Qorti u li kkaġuna biża’ lis-sidien tal-vann li se tintuża vjolenza kontrihom.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti kif kien għall-ħabta tat-8.15pm meta l-imputat kien waqaf bil-karozza tiegħu ħdejn il-vann, niżel mill-karozza fejn qabad briksa u waddabha fuq il-windscreen tal-vann. Il-pulizija setgħu jaraw dan il-każ hekk kif kollox kien inqabad minn CCTV li hemm fil-viċin. Kienu s-sidien tal-vann li għamlu rapport lill-Pulizija.

Fuq l-ammissjoni tiegħu, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, sabitu ħati. Meta l-Qorti ġiet biex tagħti l-piena, il-Maġistrat qies li l-imputat obbliga ruħu li jagħmel tajjeb għall-ħsara li għamel.

Fil-fatt, huwa kien ordna l-windscreen iżda sakemm inqatgħet is-sentenza kien għadu ma wasalx. Id-difiża kienet ippreżentat dokumenti li turi li verament il-windscreen kienet ġiet ordnata.  Għaldaqstant, il-Qorti qalet, li l-imputat għamel dak li kien ordnat jagħmel u jekk se jdum biex jasal mhix fil-kontroll tiegħu.

Għalhekk, il-Qorti, qalet li ma tħossx li għandu jeħel sentenza ta’ ħabs u minflok ordnatlu jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità. Hu ġie ordnat ukoll iħallas €663 lill-vittmi u biex ma javviċinahomx għal perjodu ta’ sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport