Friday, November 15, 2024

Xogħol ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-UE fuq is-sanzjonijiet

Aqra wkoll

“Malta u l-Unjoni Ewropea se jkomplu jikkollaboraw flimkien sabiex naraw li jkun hemm ġustizzja kif suppost permezz ukoll tas-sanzjonijiet imposti kontra r-Russja.” Dan intqal waqt laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders.

Matul din il-laqgħa bilaterali li saret waqt iż-żjara uffiċjali tal-Kummissarju Ewropew f’Malta, id-delegazzjoni Maltija kella l-opportunità tispjega x-xogħol li qed isir minn Malta, anke flimkien ma partners Ewropej fil-qasam tas-sanzjonijiet li qed timponi l-Unjoni Ewropea fuq ċittadini u negozji Russi bħala parti mill-pakketti maqbula sabiex jagħtu daqqa lill-ekonomija Russa fid-dawl tal-invażjoni li qed tagħmel il-Federazzjoni Russa fuq l-Ukrajna.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ċ-Chairman tal-Bord tas-Sanzjonijiet ta’ Malta u d-Direttur Ġenerali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin is-Sur Neville Aquilina fejn seta’ jagħti aktar dettal dwar ix-xogħol li qed isir f’dan is-settur bil-għan li l-Gvern Malti wkoll jagħti s-sehem tiegħu.

Matul din il-laqgħa komplew jiġu diskussi l-bosta riformi b’saħħithom li l-gvern ilu jagħmel sa mill-2019 sabiex is-saltna tad-dritt u d-demokrazija f’pajjiżna tibqa’ tiġi msaħħa.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Ewropew Reynders tenna li hu, flimkien mal-Kabinett u d-Direttorat tiegħu, iħarsu ‘l quddiem li kif għamlu fl-aħħar snin jibqgħu għaddejjin b’din id-diskussjoni kontinwa bil-għan li jkompli jsir titjib. Huwa nnota l-passi pożittivi li saru u sostna u rringrazzja li anke fejn jidħlu s-sanzjonijiet, Malta qed tagħmel xogħol importanti f’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-Membri Stati.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar, il-Kap tas-Segretarjat Marco Micallef u d-Direttur Ġenerali Leandro Borg.

Ekonomija

Sport