Saturday, October 26, 2024

Xogħol ta’ rinovar f’residenza ta’ riabilitazzjoni mid-droga

Aqra wkoll

Wasal fi stadju avvanzat ix-xogħol ta’ rinovar f’Dar l-Impenn, f’Ħal-Farruġ, residenza mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li tgħin persuni jibdew jindirizzaw il-problema ta’ vizzju, speċjalment dik tad-droga.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon żar ix-xogħlijiet li għaddejjin f’din ir-residenza flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Alfred Grixti u diversi professjonisti illi se jkunu qed imexxu dawn il-programmi.

Din il-faċilità mhux biss qed tiġi rinovata iżda qed isiru xogħlijiet infrastrutturali ġodda sabiex joħolqu ambjent li jgħin aktar fil-proċess ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Dan is-servizz nazzjonali joffri post sigur fejn wieħed josserva pazjenti waqt li dawn ikunu qegħdin jibdlu jew jistabbilizzaw fuq trattament mediku relatat mal-abbuż ta’ sustanzi jew inkella jgħaddu minn proċess ta’ ditossifikazzjoni.

B’kollox din ir-residenza hija mgħammra b’sitt sodod fejn pazjenti jkunu jistgħu jingħataw servizzi mediċi relatati ma’ dipendenzi. Dan is-servizz joffri l-possibbiltà li l-klijenti jieħdu trattament mediku taħt osservazzjoni ta’ nurse u care worker 24 siegħa kuljum.

Il-pjanijiet mediċi għal kull pazjent li jidħol ġewwa Dar l-Impenn jiġu deċiżi mit-tobba tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan id-Detox Centre (Substance Misuse Outpatients Unit). Dan isir b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra li jkunu qegħdin isegwu lill-pazjent jew li se jkomplu l-pjan ta’ trattament wara li l-pazjent jitlaq minn Dar l-Impenn, kemm jekk segwit fil-komunità jew se jimxi għall-programm residenzjali.

Dan il-proċess iservi bħala l-ewwel pass ta’ riforma, qabel dawn il-persuni jidħlu għall-programm ta’ riabilitazzjoni mifrux fuq medda ta’ xhur f’Komunità Santa Maria. Hawnhekk jingħataw servizzi psikosoċjali u trattamenti iktar fit-tul li jindirizzaw sfidi marbuta mal-emozzjonijiet u l-imġieba tal-individwu.

Matul is-sena li għaddiet, Dar l-Impenn indirizzat mal-155 każ, li l-maġġoranza tagħhom kienu għad-ditossifikazzjoni t’alkoħol u droga, filwaqt li għadd ta’ persuni oħra daħlu f’din ir-residenza bħala pass gradwali għall-programm ta’ riabilitazzjoni.

“Nemmen li dan huwa servizz ieħor b’saħħtu li jibgħat messaġġ ċar li aħna ninsabu hawn sabiex nagħtu l-għajnuna u trattament effettiv li jerġa jgħin sabiex persuna terġa lura fis-soċjetà. Il-problema tal-vizzju tad-droga hija waħda li rridu nkomplu niġġielduha b’kull mezz possibbli. Qatt m’huwa tard li tagħmel kuraġġ u tiġi ’l quddiem u tfittex l-għajnuna”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Sport