Għal dawn l-aħħar snin, il-Gvern kompla jinvesti fiż-żona ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn sabiex jsaħħaħ u jsebbaħ dan is-sit tant popolari mal-Maltin, b’mod speċjali dawk li jgħixu fin-nofsinhar tal-pajjiż. Sar xogħol estensiv fuq numru ta’ strutturi marittimi li kienu fi stadju avvanzat ta’ deterjorazzjoni, fejn inbnew mill-ġdid tliet mollijiet. Matul l-aħħar xhur, il-ħidma ffukat fuq il-passaġġi pubbliċi u l-aċċess għal din iż-żona, b’ħidma biex titjieb l-esperjenza ta’ dawk kollha li jżuru dan il-post.
Fl-aħħar ġimgħat beda wkoll xogħol ta’ protezzjoni u rinfurzar tal-kosta fin-naħa ta’ ġewwa, lejn il-Munxar, fejn beda jitqiegħed blat sabiex jaġixxi bħala protezzjoni kontra l-maltemp (revetment). Fil-fatt, il-partijiet li kienu fi stadju avvanzat laqgħu b’mod tajjeb waqt il-maltempata Harry. Tant hu hekk li fejn kien għad m’hemmx blat imqiegħed, ittiekel numru ta’ metri ’l ġewwa mill-kosta. Ix-xogħol f’din iż-żona qed jitkompla sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-triq u tal-infrastruttura tal-madwar. Minbarra x-xogħol infrastrutturali, Infrastructure Malta wara li kisbet il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar, ser tkun qed tibni toilets pubbliċi ġodda biex iservu lil dawk kollha li jżuru din iż-żona.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett spjega li waqt il-maltempata ta’ ftit ġimgħat ilu saret ħsara konsiderevoli lis-sea wall li kien inbena għexieren ta’ snin ilu, fejn l-istrutturi tkissru kompletament. Il-ħsara li saret hija irreparabbli u dawn l-istrutturi ser ikollhom jinbnew mill-ġdid. Huwa qal, “Hekk kif jidher li l-kundizzjonijiet tat-temp stabilizzaw ruħhom, beda x-xogħol biex tissewwa l-ħsara filwaqt li qed niżguraw li l-proġetti kollha li kienu għaddejjin, jerġgħu jaqbdu ritmu mgħaġġel.” Fost oħrajn, huwa semma il-proġetti tal-Imsida Creek, il-promenade ta’ Marsaskala u l-proġett tal-pjazza ta’ Buġibba bħala eżempju.
Fir-rigward taż-żona ta’ San Tumas f’Marsaskala, il-Ministru Bonett sostna li x-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew sax-xhur tas-Sajf sabiex dawk kollha li jżuru din iż-żona jkunu jistgħu jgawduha f’ambjent isbaħ u aktar sigur.

