Issa li l-Kattoliċi għandhom ragħaj spiritwali ġdid li ġie elett il-Ħamis li għadda fit-tieni jum tal-Konklavi wara erba’ votazzjonijiet, huwa xieraq li nsellmu lil Robert Francis Prevost bħala Papa Ljun XIV. Fl-istess waqt, ikun xieraq ukoll nanalizzaw x’se jkun il-Pontifikat tiegħu fis-snin li ġejjin, li milli jidher se tkun era ġdida għall-Knisja universali.
Mill-ewwel indikazzjonijiet mid-diskors li għamel mill-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, ftit tal-ħin biss wara li ġie elett bħala Papa, tana nifhmu li huwa se jkompli jibni fuq dak li kien beda l-predeċessur tiegħu, il-maħbub Papa Franġisku. Jekk inhu hekk, id-dinja kollha għandha għax tifraħ u tħossha sodisfatta li l-vuċi tal-fqir, il-batut u l-emarġinat u tal-paċi se tkompli tkun mismugħa mill-Knisja.
Il-fatt li l-Papa l-ġdid kien għal snin twal missjunarju partikolarment fil-Peru’, huwa xhieda wkoll tal-imħabba li għandu lejn dawk inqas ixxurtjati. Il-frażi li uża l-Papa illi l-Knisja Kattolika għandha tkun miftuħa għal kulħadd, tagħtina għax nifhmu li l-Knisja għandha tilqa’ fi ħdanha wkoll anke lil dawk il-minoritajiet li forsi għal xi raġuni jew oħra kienu miżmuma ‘l bogħod mill-Knisja.
Huwa ta’ sodisfazzjon ukoll, anke jekk wieħed kellu jfisser is-sinifikat tal-isem li għażel – Ljun XIV – għall-Papat tiegħu. Nifhmu li din hija indikazzjoni oħra li l-qasam soċjali u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema se jkunu ewlenin fil-ħidma tiegħu.
Niftakru wkoll li kien il-Papa Ljun XIII li lejn l-aħħar tas-seklu dsatax kien ħeġġeġ bil-qawwa għal kundizzjonijiet aħjar tal-ħaddiema bl-Enċiklika Rerum Novarum, li serviet anke bħala ispirazzjoni għall-partiti politiċi biex jiddefendu dejjem u kullimkien id-drittijiet tal-ħaddiema, li f’dak iż-żmien kienu sfruttati u mċaħħda mid-drittijiet l-aktar bażiċi. Rerum Novarum għadha rilevanti anki għaż-żminijiet tal-lum fejn għadna naraw sitwazzjonijiet ta’ sfruttament ampju ta’ xi kategoriji ta’ ħaddiema.
Dan iġibna wkoll biex nifhmu li tul il-Pontifikat tiegħu, Papa Ljun XIV se jkompli fuq il-legat li ħalla warajh Papa Franġisku, li jżomm ‘il bogħod mil-lussu u x-xinxilli u jkun dejjem aktar qrib in-nies.
Infakkru li pajjiżna kien ixxurtjat biż-żjara li għamlu l-aħħar tliet Papiet – Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u Franġisku I – u għalhekk nittamaw li dan il-Papa Agostinjan, ukoll xi darba jżur pajjiżna li diġa’ jaf dwaru minn żjarat li kien għamel f’Malta fl-imgħoddi anke riċenti.