Sunday, December 22, 2024

X’QED IDEJJAQ MIN-NIES?

Aqra wkoll

Illum mhemm ebda dubju sezzjoni mdaqqsa tal-poplu Malti għażlet li ssabbat fl-aħħar elezzjoni minħabba diversi fatturi li kienu qegħdin idejquhom. Dawn ivarjaw. Min għal ħaġa u min għal oħra. Hu fatt li llum meta titkellem man-nies jgħidulek li qegħdin iħossu apatija u telqa. Iħossu li donnu f’dan il-pajjiż sar kollox jgħaddi.

U dan minnu nfih qiegħed inaqqar il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Anke dak li nsejħulu il-‘hard core’ illum qegħdin jitkellmu fuq bidliet li hemm bżonn fil-gvern u anke fil-Partit Laburista biex l-affarijiet jieħdu rotta differenti.

U meta titkellem man-nies x’tisma’. Titkellem ma’ familji li minn dejjem appoġġjaw l-Partit Laburista u jgħidulek ‘qegħdin inħossuna imwarrbin’. Oħrajn jgħidulek ‘ħdimna tant u warrbuna’. Ieħor jgħidilna “għaliex jien bħala Laburist u minn dejjem konna hemm għall-partit, irrid inmur nitkarrab għal bżonn li għandi? Tkarrabt u bqajt b’xejn għax injorawni”. Kollha jgħidulek l-istess kelma ‘imweġġgħin’.

Issib attivisti li jgħidulek naqas il-kuntatt mal-poplu. “Kemm qegħdin induru nħabbtu l-bibien. Għand in-nies trid tmur regolari mhux qabel l-elezzjoni biss”. Prattikament fi kliem sempliċi qiegħda tinħass li l-amministrazzjoni u l-Ministru inqatgħu minn nies. Wieħed irid iżomm f’moħħu li partit fil-gvern dejjem se jkollu din it-tendenza li jinqata’ mill-‘hard core’ tiegħu u dan minħabba li jibda jiffoka aktar fuq il-ħidma tal-pajjiż u l-isfidi li jkun hemm.

Din iżda m’għandhiex skuża. Dan għax hemm sistemi biex l-amministrazzjoni iżżomm kuntatt man-nies. Iżżomm kuntatt mal-attivisti. Fuq kollox trid tara li jkun hemm sistema fejn dawn isemmgħu l-ilmenti tagħhom u jingħataw sodisfazzjon xi jkun ġara mill-ilment tagħhom. Trid tara li tindirizza dak l-ilment.

Ma’ dawn imbagħad hemm sezzjonijiet sħaħ tal-poplu mifnija bi problemi li jagħmlulhom ħajjithom diffiċli. Tapplika għal permess u minkejja is-suppost effiċjenza idumu ħafna jistennew. U dan id-dewmien minkejja l-ħlasijiet. Il-problema ta’ nuqqas ta’ spazji pubbliċi u li dejjem qegħdin jittieħdu ibda minn żoni fil-qalba tal-ibliet u ibqa’ sejjer fil-bajjiet. Anzjani jilmentaw mill-banek u kif is-servizzi marru lura, fejn il-klijent sar biss numru.

Għandek il-kwistjoni ta’ servizzi fi djar tal-anzjani u sptarijiet minn ħaddiema li mhux imħarrġin biex jikkomunikaw b’mod tajjeb mal-klijenti. Il-kwistjoni tat-traffiku u l-parkeġġi, li saret problema kbira b’xi wħud jippreferu ma joħorġu xejn milli jieħdu l-battikata biex jipparkjaw.
L-infurzar fit-toroq u l-ibliet tagħna fejn hu. Il-perċezzjoni tan-nies hi li ż-żgħar u l-vulnerabbli jispiċċaw viltmi ta’ infurzar imma oħrajn jgħadduha lixxa. Kif stabbilimenti jitħallew għaddejjin b’mużika għolja sa kmieni filgħodu.

Ma’ dan imbagħad għandek il-ħarġa ta’ tmiem il-ġimgħa, fejn il-poplu tagħna qiegħed jesperjenza b’mod ċar il-mod kif għolew il-prezzijiet u agħar minn hekk qegħdin iħossu li l-kwalità qiegħda tonqos.

Il-bini u l-kostruzzjoni hu qasam ieħor li xebbgħa għal kollox lil ħafna nies. Trabijiet, ħsejjes u inkonvenjenzi sħaħ. Jekk tistaqsihom għall-infurzar, in-nies mill-ewwel jgħidulek ‘mhux għal xejn tirrapporta’.

U mbagħad ma’ dawn daħlet xi ħaġa oħra. Dik li kif jitkellem xi ħadd, pront wieħed irid jara kif isikket. Ħafna drabi dawn huma nies li jattakkaw u jikkritikaw is-sistemi. Imma x’qed jiġri min qiegħed fl-awtorità qiegħed iqis dik il-kritika bħala li hi indirizzata lejh. Dawn huma nies li aċċettaw b’mod sħiħ is-sistema u qegħdin jidentifikaw ruħha magħha. Għalhekk kif issir il-kritika, li jippruvaw jagħmlu hu li jsikktu.

Kemm hemm affarijiet x’jitranġaw. Ewlenin fost dawn hu li jisimgħu xi jridu n-nies u jaraw fejn naqsuhom. Ma tistax tħalli n-nies injorati.

Ekonomija

Sport