L-ambjent. Il-pensjonijiet. L-infurzar u t-tindif. L-għoli tal-ħajja. Il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin. Il-kwalità tal-ħajja. Dawn kienu wħud mit-temi ewlenin li n-nies li tkellimna magħhom jixtiequ li jingħataw prijorità fil-Budget għas-sena d-dieħla, liema budget se jkun qed jiġi ppreżentat għada mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.
Fil-jiem li għaddew, IT-TORĊA niżlet fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta fejn staqsiet lin-nies jekk humiex se jkunu qegħdin isegwu l-Budget 2026, liema huma dawk il-miżuri li l-aktar huma ta’ interess għalihom kif ukoll x’jixtiequ jaraw aktar.
Bosta kienu dawk li rrikonoxxew it-titjib li sar tul dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari fil-qasam soċjali. Fost l-oħrajn irreferew għaż-żieda fil-pensjonijiet u esprimew it-twemmin tagħhom li fil-Budget li ġej se terġa’ titħabbar żieda oħra f’dan ir-rigward.
“Li nkomplu nieħdu ħsieb lil min hu batut u vulnerabbli. Din għandha tkun prijorità bħaż-żieda fil-pensjonijiet. Iż-żgħażagħ irridu nieħdu ħsiebhom ukoll għax huma l-futur tal-pajjiż,” qalilna wieħed mill-persuni li tkellem magħna. Huwa faħħar ukoll il-fatt li f’pajjiżna għandna s-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija.
Raġel ieħor qalilna: “jiena pensjonant. Il-fatt li jżidna minn sena għall-oħra, m’għandix x’ingerger. Jekk ikollna żidiet dejjem aħjar. Kull żieda merħba biha u mmorru għall-aħjar.”
Sadanittant, persuni oħra tkellmu dwar il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin u qalu li jixtiequ li jkun hemm aktar kontrolli u infurzar. Minkejja dan, numru ta’ nies irrikonoxxew li hemm il-ħtieġa ta’ dawn il-ħaddiema speċjalment fl-oqsma tas-saħħa u l-kura tal-anzjani fost oħrajn.
L-ambjent u l-indafa pubblika wkoll spikkaw fil-kummenti tan-nies li qalu li jixtiequ li dawn jingħataw prijorità fil-Budget. Barra minn hekk tkellmu wkoll dwar l-għoli tal-ħajja u l-bżonn li jkomplu jittieħdu aktar miżuri ta’ sostenn għall-familji u n-negozji.

