Inewsmalta.com jitkellem ma’ Brendan Zerafa, li jsegwi mill-qrib l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti
Fit-3 ta’ Novembru, il-poplu Amerikan ħareġ jivvota biex jagħżel bejn il-President Repubblikan preżenti Donald Trump u l-kandidat tad-Demokratiċi, l-eks-Viċi-President Joe Biden. Erbat ijiem wara li ngħalqu l-voti u beda l-għadd, liema jiem kienu kkaratterizzati minn numru ta’ kontroversji, il-poplu Amerikan għad mgħandux President. Fil-fatt, bħalissa fl-Istati ta’ Georgia, North Carolina, Pennsylvania, Nevada, Arizona u Alaska għandhom qed jingħaddu mijiet ta’ eluf ta’ voti.
Fid-dawl ta’, is-sit inewsmalta.com tkellem ma Brendan Zerafa, li jsegwi mill-qrib l-elezzjoni u l-politika inġenerali Amerikana. Ma’ Brendan tkellimna dwar id-dewmien li qed ikollu r-riżultat li se jkun qed jiddeċiedu l-eżodu tal-elezzjoni. Zerafa qalilna li r-raġuni prinċipali hija li “din is-sena għandek ħafna voti li intefgħu bil-posta, kuntrarju għal snin preċedenti.” Brendan fakkar li din is-sistema “ilha teżisti l-Amerka għal ħafna snin, u ġiet ivvintata biex meta jkollok suldati qegħdin post ieħor li mhux l-istat tagħhom, huma wkoll ikunu jistgħu jivvutaw.” Din is-sena minħabba l-pandemija, ħafna aktar nies, speċjalment dawk Demokratiċi, li ddeċiedew li jivvutaw bil-posta. “Dawn it-tip ta’ voti jieħdu aktar ħin biex jiġu proċessati minn voti oħrajn.”
Dawn it-tip ta’ voti jieħdu aktar ħin biex jiġu pproċessati minn voti oħrajn
Mistoqsija awtomatika li ħafna segwaċi madwar id-dinja qegħdin isaqsu hija, “meta nistgħu nistennew riżultat definittiv?” Quddiem din il-mistoqsija, Zerafa stqarr magħna li dan jista’ jseħħ “minn ħin għall-ieħor.” Kompla jgħid li kollox ikun deċiż, “meta l-matematika tgħidlek li kandidat partikolari ma jkunx jista’ jilħaq jew jgħaddi lill-avversarju tiegħu bil-voti li fadal.” Zerafa rrimarka li l-uffiċjalità tar-riżultat għad baqa biex tkun konklussiva. “Kull stat ikun irid jiċċertifika r-riżultat tiegħu imbagħad wara li ssir iċ-ċertifikazzjoni jkollok l-eletturi li jivvutaw għall-President skont ir-riżultat tal-Istat minn fejn ikunu ġejjin minnhu.” Wieħed ta’ min jinnota li jista’ jkollok eletturi li ma jivvutawx skont id-direzzjoni tal-Istat. “Eżempju ta’ dan, fl-2016 naraw li anke Bernie Sanders li ma kienx fit-tellieqa ġab vot wieħed t’elettur partikolari.”
L-elezzjoni ta’ din is-sena kienet ikkaratterizzata minn numru ta’ kontraversji. Bħalissa, il-President Donal Trump, permezz tat-tim legali tiegħu, fetaħ numru ta’ kawżi kontra xi Stati li skontu allegatament kien hemm xi “frodi.” Dwar dawn il-kawżi legali, Zerafa qal li “għalkemm fil-maġġoranza tagħhom fl-opinjoni tiegħi huma frivoli jitilgħu quddiem il-Qorti suprema (fejn għandek 6 imħallfin minn 9 ġew appuntati minn President Repubblikan),” wieħed irid jara kif se tirrispondi għalihom. Brendan tkellem magħna dwar l-eventwalitajiet li dawn il-kawżi jista’ jkollhom fuq l-Istati Uniti, bħal pereżempju “jista’ jkun li tiġi affetwata s-saltna tad-dritt u għaldaqstant l-Amerka ma tibqax tgawdi minn ċertu rispett li bħalissa tgawdi minnhu.”
Trump se jaċċettah ir-riżultat? … Hemm ħafna mistoqsijiet”
Ma Brendan tkellimna dwar ir-riperkussjonijiet li dawn il-kunflitti jistgħu jħallu fuq id-demokrazzija u l-politika inġenerali fl-Istati Uniti. Huwa qalilna li, “din l-elezzjoni kompliet turi id-differenzi li hemm bejn il-popolazzjoni urbana li tgħix fil-bliet u l-popolazzjoni rurali li tgħix fil-kampanja.” Brendan qajjem numru ta’ mistoqsijiet bħal, “jekk jirbaħ Joe Biden li hekk qiegħed viċin li jagħmel, Trump ser jaċċettah ir-riżultat? Jekk jitlef Trump, x’ser tkun ir-reazzjoni tiegħu? Zerafa kkonkluda jgħid li “hemm ħafna mistoqsijiet. Dawn li semmejt huma biss uħud minnhom.”