Saturday, November 16, 2024

X’se jkun il-pass li jmiss wara d-deċiżjoni dwar Adrian Delia

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Fir-rigward tad-deċiżjoni li ħa l-President ta’ Malta, fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, tkellimna mal-opinjonista Simon Mercieca li qal li f’dan id-dibattitu trid issir differenza bejn id-deċiżjoni tal-President u dik tal-PN. 

Spjega li l-President tkellem dwar materja kostituzzjonali u qal li fil-fatt il-kariga tal-Oppożizzjoni f’Malta hi kariga istituzzjonali. Qal li din hi ħaġa li ma ssibhiex fil-kontinent Ewropew, iżda fis-sistema ta’ Westminster fejn il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hi marbuta ma’ dik ta’ kap ta’ partit politiku. Għalhekk jemmen li d-deċiżjoni tal-President kienet tajba u skont il-Kostituzzjoni u li min jgħid kuntrarju ma jafx l-istorja tal-Kostituzzjoni tagħna u kif taħdem is-sistema politika f’Malta. 

Għalhekk qal li wara li dan l-attentat orkestrat biex jitneħħa Delia, billi jiġi mżeffen il-President tar-Repubblika falla, issa l-ballun reġa mar għand il-PN. Qal li din hi kwistjoni interna fejn skont l-istatut Delia hu l-kap tal-partit u għalhekk kostituzzjonalment Kap tal-Oppożizzjoni. Qal li Delia għamilha ċara li mhux se jitlaq u għalhekk il-ballun f’sieq dawn id-deputati. 

Semma li jistgħu jsejħu kunsill ġenerali biex ineħħu lil Delia minn kap, iżda qal li l-problema tkun li t-tesserati huma wara Delia. Inkella qal li jistgħu jiftehmu mad-deputati tal-Gvern biex ibiddlu l-Kostituzzjoni, iżda sostna li hi diffiċli wara li ilhom jgħajruhom korrotti. Inkella jgħid li jistgħu jagħmlu grupp għalihom fil-Parlament u b’hekk il-President ikun jista’ jagħżel mexxej minn fosthom. Saħaq li dan ifisser li jkun jista’ jneħħi lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni kif kien wiegħed li jagħmel jekk Delia jitlef il-maġġoranza tad-deputati. Madankollu, Mercieca jgħid li hu jiddubita kemm dawn jista’ jkollhom deputati biżżejjed biex jagħmlu maġġoranza fil-Parlament.

Min-naħa l-oħra, l-opinjonista jgħid li peress li dawn id-deputati baqgħu fil-PN, tefgħu l-ġebla fuq saqajhom u rabtu id il-President. Għalhekk jgħid li dawk li qalu li din id-deċiżjoni tal-President hi favur il-Partit Laburista ma jafux kif taħdem il-politika. Jgħid li din id-deċiżjoni hi favur il-PN għax l-agħar ħaġa li setgħet tiġri hi li jispiċċa b’żewġ kaptani – wieħed tal-Oppożizzjoni u l-ieħor tal-kap tal-partit. Jisħaq li d-deċiżjoni tal-President evitat din is-sitwazzjoni pjetuża. 

“Partit maqsum qatt ma jista’ jirbaħ”

Mistoqsi dwar l-importanza li l-PN isib soluzzjoni malajr, Mercieca qal li partit maqsum qatt ma jista’ jirbaħ elezzjoni. Qal li l-mibgħeda u l-ħdura qatt ma jistgħu jħallu frott u stqarr li hu stess spiċċa vittma tagħha. Qal li kien hemm għalliem f’istituzzjoni għolja li rrapportah dwar ‘hate crime’ għaliex xi ħadd kiteb fuq il-wall tiegħu biex jirrispondi lilu fuq post li tella’ dwar il-Kostituzzjoni. Qal li ried juża dan il-post bi skuża biex iwaqqfu milli jkompli jitkellem dwar dan is-suġġett. 

Mercieca jemmen li d-deputati kontra Delia huma ftit u jemmen li l-perċimes hu Jason Azzopardi. Miegħu jsemmi lil Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u xi oħrajn. Qal li dawn tefgħu lil Chris Said u lil Therese Comodini Cachia fuq quddiem. Jgħid li għal xi wħud minn dawn id-deputati ma hemm l-ebda kwistjoni dwar Yorgen Fenech, iżda jgħid li nġiebet din l-iskuża mill-gazzetta ta’ Mario De Marco biex itajru lil Delia. Jispjega li Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami qegħdin jiġġieldu għas-siġġu fuq id-distrett, għax jafu li jistgħu ma jitilgħux. Jgħid li Jason Azzopardi qala’ ħafna nkwiet lil Simon Busuttil u ġelldu ma’ ħafna nies biex iżomm il-kontroll fuq id-distrett, u jgħid li għamel l-istess ma’ Delia meta dan tal-aħħar ipprova jakkomodah biex mingħalih joqgħod kwiet. 

Fl-opinjoni ta’ Mercieca, Jason Azzopardi jaf li ma għandux ċans jitla’ fl-elezzjoni li ġejja, għall-inqas fuq ir-raba’ distrett, u b’hekk irid jikkontrolla min joħroġ fuq id-distrett. Saħaq li kulma jagħmel hu biex jidher, ħalli n-nies ikollhom solidarjetà miegħu u jivvutawlu. Semma wkoll li fuq dan id-distrett hemm Carm Mifsud Bonnici li qiegħed fuq in-naħa l-oħra. Saħaq li Jason Azzopardi ġietu x-xoqqa f’moxta biex bl-iskuża ta’ Yorgen Fenech ikun jista’ jsawwat lil Adrian Delia minħabba l-appoġġ li qed jagħti lil Carm Mifsud Bonnici. Qal li l-istess hi l-pożizzjoni ta’ Beppe Fenech Adami, filwaqt li fakkar kif biex iżomm id-distrett tiegħu pprefera li ma jitlax kandidat Nazzjonalista iżda jitla’ t-Tabib Godfrey Farrugia. Simon Mercieca qal li Fenech Adami qed jiġġieled għad-distrett, għax wisq probabbli Delia joħroġ fuq Birkirkara u allura qed jibża’ li ma jitlax.

Imbagħad semma lil Mario de Marco, li qal li l-kumpanija legali tiegħu qiegħda tiddefendi lil Yorgen Fenech. Semma kif meta hu kien kixef ċerti ħbiberiji, kienet bdiet persekuzzjoni personali fuqu minn dawk li sejħilhom l-anġli tad-demokrazija. Saħaq li l-persuna li qabżet għal Mario De Marco u mexxiet kampanja biex hu jkun eskluż mill-Partit Nazzjonalista ma kienet ħadd għajr Daphne Caruana Galizia. Qal li riedet b’kull mod tipprova tagħlaqlu ħalqu u daqshekk kienet favur il-libertà tal-espressjoni! Kompla jsostni li għal din il-mara mhux kulħadd għandu jkollu l-vot, iżda l-elite biss. Fl-istess waqt li qal li llum qed naraw dawn il-ħsibijiet elitisti jiġu ppropagati taħt l-arma tal-Università ta’ Malta. 

“Delia jrid jaħdem bilgħaqal”

Mistoqsi dwar kif jista’ Delia jgħaqqad lil dan il-partit, Mercieca qal li quddiem din il-kriżi bla preċedent, Delia jrid jaħdem bilgħaqal. Qal li l-istrateġija hi ċara, fejn Delia ma jridx ikeċċihom għax tagħtihom ġustifikazzjoni biex iwaqqfu partit għalihom u allura jagħżlu Kap tal-Oppożizzjoni u din iġġib solidarjetà man-Nazzjonalisti. Qal li Delia jippreferi li jitilqu waħedhom, ħaġa li diġà li tkellmet dwarha Comodini Cachia. 

Madankollu, Simon Mercieca qal li issa wieħed irid jara jekk dawn għandhomx warajhom biżżejjed deputati biex jagħmlu din il-qasma u jkollhom maġġoranza fil-parlament. Qal li hu jiddubita li għandhom maġġoranza, bħalma jiddubita li għandhom rieda politika biex jagħmlu l-qasma. Jgħid li fil-qiegħ nett dawn huma nies beżżiegħa u ma jħossx li hemm ħafna deputati kontra Delia. Isostni li hemm ħafna li qegħdin jagħmlu ħoss, iżda jħoss li huma nies bla sinsla li jimxu ma’ kull riħ. 

Simon Mercieca jgħid li l-verità hi li Delia ma għandux ċans jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, iżda anke jekk jitlaq Delia, dawn id-deputati mhux se jġibu rebħa lill-PN u wisq probabbli jġibu telfa ikbar minn dik li jista’ jġib Delia. Jgħid li fuq dan ix-xenarju ħadd mhu qed jitkellem!

F’dan ir-rigward, l-opinjonista jgħid li dan hu biss ir-riżultat tal-politika li imponiet fuq il-PN Daphne Caruana Galizia. Jgħid li l-klassiżmu u l-elitiżmu tagħha wassal biex dawwar lill-PN fil-partit tal-ħdura u l-mibgħeda u għamlitu partit ta’ grupp żgħir ta’ nies li jħaddnu politika ta’ esklużjoni lejn kull persuna, li ma jqisuhiex tal-livell tal-klassi tagħhom. 

Ikompli jsostni li fil-verità din il-klassi liberali fi ħdan il-PN, ma ndunatx li b’din il-pożizzjoni qatlet lilha nnifisha. Jgħid li l-politika liberali li ħaddan il-PN u li ħaddan il-Gvern ta’ Joseph Muscat qiegħda terġa’ ġġib sitwazzjoni fejn il-maġġoranza tal-elettorat qed jerġa’ jkun magħmul minn proletarjat modern u għalhekk jgħid li l-pool tal-voti ta’ dawn in-nies klassisti issa nxtorob. 

Finalment, Simon Mercieca jemmen li l-poplu Malti spiċċa ma jaħmilx lil dawn in-nies aktar mill-korruzzjoni. Jgħid li l-poplu lest jaċċetta gvern korrott iżda mhux lest jaċċetta grupp ta’ elitisti ta’ xi eżekuttiv ta’ partit politiku jew membri parlamentari li jaraw lin-nies dubbien.

Ekonomija

Sport