Monday, November 11, 2024

X’SE JOFFRI L-BUDGET APPROVAT MILL-PARLAMENT?

Aqra wkoll

Il-Parlament approva l-budget bit-tema “Ċertezza u stabbiltà”, b’fond li se jaqbeż is-seba’ biljun ewro. Minkejja li ħafna pajjiżi akbar minn tagħna għadhom qegħdin ibatu mill-inċertezzi u diffikultà biex isibu saqajhom wara pandemija u invażjoni fl-Ukrajna li seħħet biss ftit jiem wara, jidher li dan ma jgħoddx għal pajjiżna. 

L-għajnuniet li ngħataw u għadhom qed jingħataw lil ċertu setturi kienu kruċjali biex mhux biss seta’ jinżamm il-livell tal-impjiegi, iżda komplew jiżdiedu kif kompla jiżdied l-investiment f’bosta setturi.

Dan mhux qed ngħiduh aħna imma qaluh diversi aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li fl-aħħar xhur sostnew kontinwament li Malta kienet u għadha attraenti għall-investiment. Apparti dan, wieħed għandu għalxiex ifaħħar ukoll l-investiment lokali, li qed iwassal mhux biss għall-konsolidament tal-impjiegi imma wkoll li l-prodotti lokali jkunu esposti fi swieq internazzjonali. 

Il-Budget 2023 mistenni jindirizza l-pass li jmiss fejn filwaqt li l-gvern ma żiedx taxxi ġodda, filwaqt li l-gvern introduċa kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ €9.90 fil-ġimgħa u €12.50 għall-pensonanti, filwaqt li l-gvern qed jagħti żieda fiċ-children’s allowance ta’ €90, filwaqt li l-gvern introduċa mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għal dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li introduċa żieda fil-Carers Grant; il-gvern qed jiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna billi jisħaq fuq l-innovazzjoni. L-innovazzjoni, għodda li dejjem offriet opportunità lil Malta tul is-snin biex teċċella f’niċeċ speċifiċi bħas-settur marittimu, tal-gaming u wisq aktar fl-avjazzjoni. U sabiex pajjiżna jimraħ u jilħaq l-iżvilupp ekonomiku tiegħu, il-gvern se jkun qed jiffoka wkoll fuq l-upskilling u r-re-skilling tar-riżorsi umani. 

Però l-gvern mhux qed jieqaf hemm. Permezz tal-budget 2023 l-gvern qed jaspira li jsib bilanc bejn l-bżonn tat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibiltà tal-ambjent. Settur li llum huwa komponent importanti minn dak li ahna niddefinixxu bħala r-ruħ soċjali ta’ pajjizna. Iva, id-dritt li int u jien ngħixu f’pajjiż nadif, id-dritt li int u jien ingawdu il-wirt naturali ta’ pajjiżna u fuq kollox id-dritt li l-ġenerazzjoni li jmiss ikollha wirt naturali u li tgħix f’ambjent sostenibbli.

Il-Budget 2023 huwa pjan ta’ serħan il-moħħ għalik u għalija biex nistgħu nfasslu l-illum u wisq aktar l-għada tagħna. Huwa pjan ċar ta’ gvern li jrid jibqa’ jagħmel differenza f’ħajjet in-nies permezz ta’ miżuri ċari u mmirati għall-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija.

Sport