Sunday, December 22, 2024

X’se joffri t-temp fil-ġimgħat li ġejjin?

Aqra wkoll

Hekk kif pajjiżna flimkien ma’ pajjiżi Ewropej qegħdin jesperjenza temperaturi għoljin ħafna, dan is-sit tkellem ma’ Gordon Grech, wieħed mill-bassara tat-temp tant li jmexxi l-paġna tal-Aġġornament tat-Temp b’tant suċċess.

Grech qalilna li l-forza ta’ pressjoni għolja li issa estendiet mill-Mediterran sal-Ewropa qiegħda ġġib magħha temperaturi għoljin kif ukoll umdità baxxa.

“Nuqqas ta’ riħ kemm fl-għoli tal-atmosfera kif ukoll fil-Mediterran qiegħed ikompli jgħin biex din il-mewġa ta’ sħana tkompli tintensifika kemm fil-Mediterran kif ukoll fl-Ewropa,” sostna Gordon Grech.

Hu qal li skont dak li qiegħed josserva jidher ċar li dawn it-temperaturi għoljin se jkomplu anke sa tmiem il-ġimgħa d-dieħla. “Dan għadu Lulju fejn ukoll ġie osservat nuqqas ta’ riħ qawwi li għal dawn l-aħħar snin dejjem tagħna jiem b’riħ qawwi l-aktar mill-Majjistral,” qal l-espert tat-temp waqt li kien qiegħed jitkellem ma’ Talk.mt.

Grech qalilna li din is-sena ma kellna l-ebda riħ qawwi f’Lulju u dan kollu qiegħed joħloq ċpar dens li nistgħu ngħidu li għal diversi jiem qiegħed jinħoloq kawża minn temp sħun u baħar li filgħodu joħloq sidra u għalhekk ikollna temperaturi inqas baxxi.

Rigward it-tbassir tat-temp għal jiem li ġejjin u anke għal Awwissu Grech qal li għal tmiem Lulju nistgħu nantiċipaw li se jkollna ġurnata b’riħ qawwi li x’aktarx tkun il-Ħamis 27 ta’ Lulju. Sostna li mhux eskluż li din il-firxa tal-antiċiklun Afrika tkompli tiddomona anke f’Awwissu, iżda jibda jinħoloq dak it-tip ta’ maltempati li jafu jkunu qawwija.

“Probabbilità li f’Awwissu jkollna diversi maltempati fl-Ewropa filwaqt li fil-Mediterran jaf jinħoloq temp inqas sħun milli kellna f’dawn il-jiem peress li dawn il-maltempati fl-Ewropa, jekk iseħħu dejjem iniżżlu bi ftit t-temperaturi għal Awwissu,” qalilna Gordon Grech.

Sostna però li xorta jibqa’ l-fatt li Awwissu se jkun b’temp stabbli fil-Mediterran u jibqa’ b’temperatura mal-medja tal-istess xahar jew aktar… f’kelma waħda temp jibqa’ sħun u xott.

Dwar l-baħar Grech sostna li t-temperaturi hija ta’ 28°C. “Temperatura għolja ħafna u li taf tiżded sa 30°C. Dan żgur se jkollu effetti fuq it-temp kif ukoll fuq dak kollu li jgħix fil-baħar tal-madwar,” temm jgħid Grech li jmexxi l-paġna Aġġornament tat-Temp.

Ekonomija

Sport