Miktub minn MARIA AZZOPARDI
Emma Spiteri, tfajla bi tbissima mill-isbaħ u mżewqa b’diversi passatempi, fosthom li tisma’ l-mużika, il-letteratura bil-Malti u l-kitba tagħha fil-poeżiji. Iżda l-affarijiet ma kinux minn dejjem ward u żahar għaliex sfortunatament għaddiet minn esperjenzi diffiċli u soffriet minn anzjetà u dipressjoni tant li tistqar li kienet tara ħajjitha bla skop u saħansitra pruvat ittemm ħajjitha. Illum il-ġurnata hija saret tħobb lilha nnifisha u tapprezza l-ħajja aktar minn qabel.
Emma qalet lil dan is-sit li għaddiet minn bullying fejn kienu jwarbuha minħabba kundizzjoni fiżika u minn hemm l-istima tagħha lejha nnifisha tbaxxiet ħafna. Tant ma kinitx temmen fiha nnifisha li saħansitra saret tobgħod lilha nnifisha minħabba l-kummenti negattivi li kienet tirċievi. Apparti minn hekk, sfortunatament ħames snin ilu tilfet lin-nanna għażiża tagħha u tgħid li dan kien stallett. “Mhux se ngħid li mhix preżenti miegħi kuljum, imma n-nuqqas tagħha ħassejtu immens u għadni sal-lum. Ħadtha bi kbira ħafna u spiċċajt sirt anke dort kontra Alla għax ħadili. Imma tlabt u dejjem sibt tgħini f’kull deċiżjoni li ħadt u b’hekk it-twemmin tiegħi beda ġej lura għan-normal,” qalet Emma.
Hija stqarret li l-kundizzjonijiet tal-anzjetà u d-dipressjoni ma aċċettathomx mill-ewwel. Bdiet tara ħajjitha bla skop u kollox minn lenti sewda tant li pruvat ttemm ħajjitha. Fortunatament, bl-għajnuna tal-familja, sħabha u l-professjonisti ħadet il-kura li kien hemm bżonn. Hija temmen li żammet soda u m’għamlitx dan il-pass għax kienet determinata xi trid f’ħajjitha.
Mistoqsija x’ambizzjonijiet għandha, hija qalet li tixtieq iżżid l-għarfien dwar is-saħħa mentali u tkompli ssemmi leħinha biex tkun ta’ għajnuna għal ħaddiehor. “Jiena naħdem fil-qasam tal-edukazzjoni. L-istudenti ngħix għalihom għax inħobbhom b’imħabba tal-ġenn. Nixtieq inwaqqaf il-bullying fl-iskejjel għax huwa xi ħaġa li jkissrek mentalment,” qalet Emma.
Illum il-ġurnata l-għarfien dwar is-saħħa mentali tista’ tgħid żdied f’dawn l-aħħar snin, iżda sfortunatament l-istigma għadha preżenti tant li ħafna nies għadhom isofru fis-silenzju. Emma tgħid li l-istigma li hawn Malta hija ta’ xkiel għalihom li jikkumbattu mal-battalji mentali ta’ kuljum. Hija żiedet tgħid li l-fatt li wieħed jisma’ lil dak li jkun huwa diġà biżżejjed u din il-ħaġa tkun tassew ta’ differenza fil-ħajja ta’ ħaddiehor għaliex kelma ta’ faraġ tista’ twaqqaf lill-persuna biex ma tasalx sax-xifer.
Apparti mill-għajnuna tal-familja u l-professjonisti, Emma tgħid li hemm kreatura oħra li serqitilha qalbha u għenitha ħafna, li hija l-kelba tagħha. “Xħin rajt kreatura ta’ erba’ saqajn, saret parti minn ħajti. Ħajti nbidlet u l-vojt li kelli mlietu l-kelba stess. L-annimali jtuk ħafna… l-imħabba u l-umiltà. Li l-annimal jintefa’ maġenbek daqslikieku tak spalltu waqt it-tbatijiet tiegħek hija xi ħaġa tassew indimentikabbli,” qalet Emma.
Illum il-ġurnata Emma tgħid li mixja ‘l quddiem fis-saħħa mentali tagħha, saret tħobb lilha nnifisha u tapprezza l-ħajja. “Il-ħajja hija qasira u rridu ngawduha sal-milja tagħha. Isimgħu lil ta’ madwarkom u tuhom spalla għax ma tafx kemm il-kundizzjoni tista’ ttik uġigħ internament. Għalkemm hija kundizzjoni invisibbli, ma rridux ntuha bis-sieq u nwarrbu dawk li huma fis-solitudni. Nemmen li b’ħafna għarfien u sapport nistgħu nbiddlu ħajjet oħrajn biex issir isbaħ u aħjar,” temmet tgħid Emma.