Saturday, November 9, 2024

“Xtaqna festa normali imma kuntenti li San Pawl se jfeġġ fit-triq”

Aqra wkoll

Il-Pawlini sodisfatti li l-vara ta’ San Pawl se toħroġ mill-knisja

L-aħbar li l-vara ta’ San Pawl se tkun qed toħroġ mill-knisja fl-okkażjoni tal-festa anke għal din is-sena, minkejja li kien hemm ftit inċertezza li dan jista’ jkun possibbli, intlaqet b’sodisfazzjon kbir minn għadd kbir ta’ Pawlini.

Talk.mt tkellem mal-President attwali tal-Għaqda Pawlini  u mal-President Onorarju fi ħdan l-istess Għaqda, li t-tnejn li huma ddeskrivew din l-aħbar bħala waħda ferm pożittiva.

Il-President tal-Għaqda Pawlini Douglas Mifsud qalilna: “Ovjament kuntenti li lħaqna ftehim mal-awtoritajiet u tassew inħarsu ‘l quddiem biex niċċelebraw bil-mod kif nistgħu. Nassiguraw li aħna se noqogħdu attenti biex nosservaw il-kontroll li għandna nieħdu rigward is-sitwazzjoni imma se niċċelebraw dak kollu possibbli li nistgħu nagħmlu.”

Intant, il-President Onorarju Mario Cassar qalilna: “Rajna xaqq ta’ dawl. L-aħbar ħadnieha b’mod pożittiv. Ix-xewqa tagħna kienet kieku San Pawl ħareġ b’mod normali u jdur mat-toroq tal-belt kif isir is-soltu bil-purċissjoni. Biss, il-fatt li issa possibbli li joħroġ mill-Knisja u se jfeġġ fit-triq, il-Pawlini se jkollhom dak l-iżvogg li San Pawl se jkun ħareġ xorta waħda għal din is-sena.”

Żied jgħd: “L-element u bħala spirtu ta’ festa inbidel ftit mill-“anti climax” li kien hawn sa tlett ijiem ilu. Wieħed m’għandux jinsa li l-attenzjoni prinċipali tal-festa hija proprju l-vara. Dan bħalma ngħidu tieġ bla banda, jew agħar minn hekk, tieġ mingħajr għarajjes. Għalhekk, għalina bħala Pawlini, la l-vara ħierġa u San Pawl se jfeġġ fit-triq, minkejja li mhux se jdur mat-toroq, hija xi ħaġa li nilqgħu b’mod pożittiv.”

Illum se tkun qed issir attività bil-vara ta’ San Pawl, li tgħalaq il-Festa 2022. Din l-attività se tkun qed issir f’format fejn kulħadd ikun bilqiegħda, u li ser tkun organizzata skont il-protokolli kollha li jipproteġu s-saħħa pubblika. Din se tkun qed issir fi Triq San Pawl u ser tibda fis-7:00p.m.

L-Għaqda Pawlini spjegat li l-vara ta’ San Pawl ser tinġarr għall-wita fit-triq tal-knisja, milquha mill-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette, li ser tagħti kunċert ta’ innijiet u marċi Pawlini tal-okkażjoni.

Spjegat ukoll li l-pubbliku li se jattendi, ser ikun maqsum f’żewġ bubbles distinti, u huwa mitlub li jirrispetta n-normi kollha tal-protezzjoni tas-saħħa, inkluż iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, u l-ilbies tal-maskra. 

Fl-aħħar nett, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u l-Għaqda tal-Pawlini rringrazzjaw lill-Arċisqof ta’ Malta u l-awtoritajiet li intlaħaq ftehim, filwaqt li jawguraw il-festa t-tajba lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Sport