“Jiena xtaqt li jkun hemm kuntest bejn żewġ persuni jew aktar, iżda issa li hemm jien biss se nibqa’ nikkonvinċi biex ikun nista’ ningħata mandat b’saħħtu biex nibdel fejn hemm bżonn”. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq NET TV. Rigward il-fatt li kien hu biss li wera interess li jkompli jmexxi l-Partit Bernard Grech qal li se jkun qiegħed jitlob fiduċja b’saħħitha lill-Kunsilliera sabiex ikollu s-saħħa jkompli jbiddel lill-Partit għall-aħjar.
“Bla dubju anke min imexxi kumpanija bi ftit nies impjegati dejjem se jsib xi reżistenzi u allura bil-fiduċja rrid nindirizza d-dejn biex ma jkomplix ixekkel l-operat tagħna”, kompla Grech.
Grech kompla fuq dak li qal ilbieraħ u qal li “ma nistgħux nibqgħu naħbu r-realtà għax jeħtieġ li jinqatgħu l-ktejjen tal-biża’ li qegħdin iwaqqfu lill-Partit Nazzjonalista milli jinbidel”. Dwar min se jkun qiegħed joffri reżistenza dwar il-fatt li hu qiegħed jitkellem ċar dwar id-dejn, Grech qal li qiegħda tidher ċara d-differenza bejn in-nies fi ħdan il-partit li jridu l-bidla u oħrajn li jridu la ma jingħatax dak il-mandat b’saħħtu għal din il-bidla għax għadhom iħaddnu l-mentalità li aħjar ċertu affarijiet jinżammu “moħbija”.
“Din hija allegazzjoni serja ħafna u jien niċħad kategorikament u se nindirizzaw din l-allegazzjoni biex nieħdu l-miżuri kollha u l-passi kollha meħtieġa għax ma nistgħux nħallu dellijiet bħal dawn la fuqi u wisq iżjed fuq il-partit”. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalist wieġeb b’dan il-mod meta mistoqsi dwar l-allegazzjoni li l-partit seta’ rċieva donazzjoni biex jaħdem biex tkun tista’ tingħata xi proklama lil xi ħadd.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, Grech sostna li l-ħaddiem m’għandux ikun hemm biex jiġi sfruttat, iżda jaħdem biex ikun jista’ jgħix u jgawdi lill-għeżież tiegħu f’ħajja bilanċjata. Grech fakkar dwar il-bżonn li l-bniedem iħossu maħbub u jirrikrea ruħu u għalhekk mhux aċċettabbli li jibqa’ jkollok ħaddiema jaħdmu fil-prekarjat li mhumiex moħħhom mistrieħ dwar il-futur tagħhom. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa tajjeb li naħdmu biex jiżdiedu l-pagi, iżda jeħtieġ ukoll li jitjiebu l-kundizzjonijiet.
Tkellem ukoll dwar is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u qal li mnalla kien hawn Partit Nazzjonalista li baqa’ jemmen f’dan il-għan. Huwa qal li wiċċ Malta nbidel minn lejl għal nhar b’biljuni li ġew minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Grech sostna li huwa importanti li l-Partit jissaħħaħ b’aktar għaqda. Huwa qal li kemm ilu fil-kariga rnexxielu jgħaqqad il-partit u kif wiegħed se jkompli jiġġenera lill-partit biex ikun partit miftuħ għall-ideat. “Li hu żgur huwa li Partit Nazzjonalista aktar b’saħħtu jista’ joffri alternattiva fl-elezzjoni ġenerali li jmiss”, temm Grech.