Thursday, December 26, 2024

X’tgħallimna dwarna nfusna matul dawn l-aħħar ġimgħat?

Aqra wkoll

Minn KAREN BISHOP

Bla dubju qed ngħixu f’ċirkustanzi partikolari hafna, hekk kif bħala pajjiż bdejna bil-mod il-mod naddattaw għal għixien differenti, qrib kemm huwa possibli skont ir-rakommandazzjonijiet tal-ħajja kif konna nafuha qabel ma feġġ il-Covid fostna. Hawn min huwa iżjed beżgħan, u min għandu ġenn kbir biex ikompli qisu qatt ma kien xejn. F’dawn iċ-ċirkostanzi bħala terapista nistaqsi “Kif se noħorġu minn dan il-perjodu differenti milli dħalna?” Dan li għaddejna/għaddejin minnu x’għallimna dwarna nfusna u dwar ir-relazzjonijiet tagħna?

Din il-ġimgħa kont qed immexxi grupp ta’ support online u ħafna mill-parteċipanti esprimew kemm ħaduha bi kbira meta raw is-saħħa mentali tagħhom tmur lura f’dawn iż-żminijiet. Uħud ħassewhom li kellhom dwejjaq li ma fehmux, ansjetà iżjed mis-soltu, u kienu frustrati għax ma tellgħux xogħol kemm is-soltu kienu mdorrijin, minkejja li għall-grazzja t’Alla ħadd minnhom jew mill-għeżież tagħhom ma kien marad. Miniex se nidħol fil-mertu tal-argument li fiż-żminijiet tal-Covid kulħadd bata biex jadatta għax fuq hekk ilna nisimgħu. Li laqtitni f’dan il-grupp imma anki f’nies oħra li niltaqa’ magħhom hija kemm il-bniedem isibha diffiċli jaċċetta l-fraġilità tiegħu. Donnu nistenna minni nnifsi li dejjem inkun sew, immexxi u nistinka. Li spiss nosserva hija li qisu ħafna minna jsibuha diffiċli jaċċettaw id-dgħufija tagħhom, li fuq kulħadd jiġi żmien iebes, daqqa għall-Covid u daqqa għar-raġunijiet oħra. Bħalissa l-kelma vulnerabbiltà sirna nassoċjawha ma’ tendenza akbar għal mard, għal vulnerabilità fiżika.

It-terapista tal-familja Karen Bishop

Però tfisser ħafna iżjed minn hekk. Xi tfisser li taċċetta l-vulnerabiltà tiegħek fuq livell emozzjonali u psikoloġiku? Tfisser li tagħraf li inti m’intiex tal-azzar, u li bħal ħaddieħor se tiżbalja, se tweġġa’ u għandek il-beżgħat tiegħek. Ma jfissirx li jekk tagħraf il-vulnerabilità tiegħek se tintefa’ f’rokna u ma tiċċaqlaqx, pjuttost bil-kontra.  Ma jfissirx lanqas li mhux dejjem naħdem biex inkun persuna aħjar. Jekk jien nagħmel ħbieb miegħi nnifsi, anke naċċetta dak li forsi ma tantx jogħġobni, se mmur aħjar miegħi nnifsi u ma ta’ madwari. Li nieħu lili nnifsi ta’ li jien tfisser li nkun iktar miftuħ għal dak li qed inħoss jien u dak li qed jesperjenza ħaddieħor. Kollha għandna dak l-element daqsxejn sensittiv, jista’ jkun il-biża’ li nkun waħdi jew li niġi ġġudikat/a jew jidħku bija.

Bħala terapista tal-koppji u familji din naraha l-ħin kollu. Ġieli koppji li ilhom ma’ xulxin snin twal donnhom jistħu minn xulxin u joqogħdu lura milli jkunu vulnerabbli u jesprimu dak li jħossu ma’ xulxin. Tant ieħor ġieli ma nagħmluwhiex faċli biex dawk ta’ madwarna jistgħu jkunu ġenwini magħna għax ma nkunux lesti li nisimgħuhom ta’ vera. L-istess tgħodd għar-relazzjoni ma’ wliedna. Ġieli xi ġenituri jbatu biex iħallu lil uliedhom jgħarrfu l-vulnerabbiltà tagħhom huma u jikbru, u allura t-tfal speċjalment is-subien jieħdu l-messaġġ li fil-ħajja trid tkun ‘tough’ u l-emozzjonijiet taħrabhom. Li ssir taf lilek innifsek bit-tajjeb u l-ħażin kollu, hija għodda li sservi ferm fil-ħajja u tgħinna nibnu relazzjonijiet iktar b’saħħithom. Allura hekk kif se nħallikom għal-lum nixtieq inħallikom bi ftit mistoqsijiet: X’tgħallimt dwarek innifsek dawn l-aħħar ġimgħat? Kif se tkompli tagħmel ħbieb miegħek innifsek?

Ekonomija

Sport