Il-Viżjoni Malta 2050 tippreżenta pjan ħolistiku li jħares lejn il-25 sena li ġejjin. Pjan imfassal fuq konsultazzjonijiet estensivi ma’ kulħadd, studji, u analiżi, bl-għan li Malta u Għawdex ikunu ppreparati għall-isfidi tal-futur.
Bil-Viżjoni Malta 2050, qed nimmiraw għal futur aħjar għal kulħadd, bi pjan strateġiku għal 25 sena, u miri intermedjarji sa 9 snin oħra (2035). Futur mibni fuq il-kwalità is-sostenibbiltà u l-opportunitajiet ġenwini.
L-għan ewlieni tal-Viżjoni Malta 2050: Nazzjon sikur u reżiljenti, ispirat mill-wirt tiegħu u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd. Din il-viżjoni hi msejsa fuq erba’ pilastri: Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli, Servizzi Aċċessibbli u li jqiegħdu n-nies fiċ-ċentru, Pajjiż Reżiljenti u Sistema ta’ Edukazzjoni Moderna kif ukoll Użu Intelliġenti tal-Art u l-Baħar.
Din il-viżjoni hi faċilitata b’ħames ‘enablers’ prinċipali li huma dawn li ġejjin: L-implimentazzjoni tal-‘policies’ u governanza, Fondi u investiment, Trasformazzjoni diġitali, Ħiliet umani kif ukoll immaġini viżwali nazzjonali.
Bil-Viżjoni Malta 2050 qed ikunu introdotti tliet indikaturi ewlenin li se jagħtu stampa aktar reali tal-kwalità tal-ħajja.
1. Il-livell ta’ żvilupp uman u soċjali. L-ewwel indikatur – il-Human Development Index tal-Ġnus Magħquda, li jinkludi fatturi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u t-tul tal-ħajja. Malta bħalissa tinsab fl-24 post globalment f’dan l-indiċi – qed nimmiraw li nitilgħu fost l-ewwel 20 pajjiż sal-2035 u fost l-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja sal-2050.
2. Id-dħul medjan disponibbli tal-familji. |t-tieni indikatur – kemm verament jibqa’ flus fil-bwiet tan-nies – ‘l hekk imsejjaħ l-EU Median Disposable Income Index. Illum il-Maltin jibqgħalhom flus fil-but daqs it-Taljani u ċ-Ċiprijotti, pożizzjoni li tpoġġina kemm kemm taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea. Sal-2035 irridu naqbżu din il-medja u nħabbtuha mal-Franċiżi u nibqgħu telgħin ’il fuq sakemm sal-2050 nilħqu wkoll lill-Finlandiżi, li llum jinsabu mal-ewwel seba’ fl-Ewropa.
3. Is-sodisfazzjon tal-ħajja. It-tielet: l-indiċi tal-UE li jkejjel il-benesseri ġenerali tan-nies, inkluż il-kuntentizza tagħhom, is-saħħa mentali u kif iħossuhom dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom – l-overall experience of life. Malta bħalissa tinsab fid-9 post fl-UE f’dan l-indikatur u l-miri hi li nitilgħu mal-ewwel 8 sal-2035 u fost l-ewwel 5 sal-2050.
Il-Viżjoni tinkludi 100 mira intermedjarja li l-Gvern qed jikkommetti li jwettaq sal-2035. Permezz ta’ portal apposta wieħed se jkun jista’ jara l-avvanz fuq kull miżura.
Dan b’sistema ta’ rappurtaġġ li warajha hemm tim li diġà ilu jaħdem xhur twal biex jikkordina mal-Ministeri u l-imsieħba rilevanti. Hemm ukoll kumitat ta’ tmexxija li jixpruna u jissorvelja x-xogħol u jagħmel l-aġġornamenti neċessarji f’dan id-dokument u b’hekk il-Viżjoni tibqa’ waħda ħajja u aġġornata minn żmien għal żmien.
Proġetti t’importanza li se jitmexxew ’il quddiem;
• Sistema ta’ trasport dejjem aktar effiċjenti
✓ Sistema ta’ mass transit għall-ewwel darba f’Malta
✓ Network ta’ trasport pubbliku riformat u aktar effiċjenti
✓ Konnettività kostali msaħħa
✓ Investiment fl-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi
✓ Mobility App li tgħaqqad mezzi differenti ta’ trasport f’sistema waħda diġitali u faċli għal min jagħmel użu minnha.
✓ Is-sigurtà fit-toroq tkompli tkun ta’ prijorità.
• Tisħiħ fil-qasam tas-saħħa
✓ Espansjoni tal-kapaċità kirurġika nazzjonali f’Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, St Luke’s u ċ-Ċentru l-ġdid ta’ Raħal Ġdid.
✓ Investiment fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
✓ Integrazzjoni aħjar fl-operat bejn Malta u Għawdex permezz ta’ air ambulance msaħħa u drones
✓ Modernizzar tal-kura primarja u kliniċi reġjonali tas-saħħa mentali ġodda fil-komunità
✓ Investiment fis-saħħa diġitali u fl-użu tal-AI biex tissaħħaħ id-dijanjosi u l-esperjenza tal-pazjent.
• Edukazzjoni u ħiliet għall-futur
✓ Tkompli tibni fuq l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030
✓ Tintroduċi qafas ġdid tal-kurrikulu b’enfasi fuq suġġetti STEAM, ħiliet diġitali, ħsieb kritiku, kreattività u problem-solving
✓ Timmodernizza s-sistema tal-assessjar biex tirrifletti aħjar il-ħiliet neċessarji
✓ Investiment ta’ €91 miljun fi programm ta’ modernizzar tal-iskejjel, inkluż spazji ġodda ta’ tagħlim u titjib diġitali
✓ Ħarsien tal-benesseri fl-iskejjel permezz ta’ tims apposta li joffru sapport lill-istudenti
✓ Tisħiħ kontinwu tal-iżvilupp professjonali tal-edukaturi biex ikollhom l-għodod u l-appoġġ meħtieġ
✓ Sistema nazzjonali ta’ skills intelligence biex jiġu identifikati l-ħiliet tal-futur u jkun allinjat it-taħriġ u l-apprentistat
Enerġija nadifa, azzjoni klimatika u trasformazzjoni ambjentali
✓ Investiment ta’ €300 miljun fit-tieni interconnector tal-elettriku biex tiġi żgurata provvista stabbli affordabbli.
✓ Tkompli tiżdied l-enerġija rinovabbli, permezz ta’ esplorazzjoni ta’ wind offshore u solar f’wiċċ l-ilma
✓ Tisħiħ tas-sistema ta’ water reuse b’netwerks ġodda u produzzjoni akbar ta’ “new water” f’Malta u Għawdex
✓ Tkompli tiitnaqqas id-dipendenza fuq il-landfill u jiġġeneraw enerġija u compost ta’ kwalità
✓ Tkun implimentata inizjattiva nazzjonali li tħares il-bijodiversità
✓ Pjan Nazzjonali għar-Reżiljenza Klimatika biex jiġu protetti l-komunitajiet u l-infrastruttura kritika.
Malta li tħaddar, b’numru ta’ parks ambjentali u rikreattivi
✓ It-trasformazzjoni ta’ Fort Campbell f’park naturali nazzjonali
✓ Manoel Island jiġi żviluppat bħala peniżola kulturali u ekoloġika mingħajr karozzi, b’rotot pedonali u ċikliżmu u restawr tas-swar
✓ White Rocks jinbidel f’park kostali ekoloġiku fuq skala kbira.
✓ 150 spazji ħodor ġodda jew rinnovati, inkluż pjazez u ġonna urbani.
✓ Tisħiħ tal-programm nazzjonali ta’ restawr u użu mill-ġdid tal-wirt storiku
✓ Riġenerazzjoni fil-portijiet
✓ Il-Port il-Kbir se narawh jieħu l-ħajja mill-ġdid bir-Revival Plan
✓ F’Għawdex it-taskforce li nħatar apposta għall-port tal-Imġarr se jgħinna naslu għal tisħiħ infrastrutturali u l-użu sostenibbli ta’ dan il-port
✓ Fix-Xewkija, il-heliport se jinbidel fi strippa estiża li se żżid il-flessibiltà mal-bqija tar-reġjun
✓ L-Ajruport Internazzjonali f’Ħal Luqa se jkun qed jiġi trasformat b’investiment multi-miljunarju mill-privat, appoġġjat mill-Gvern.
✓ Il-Freeport li se jiġi modernizzat, b’hekk tissaħħaħ ir-rilevanza reġjonali fil-ġarr tal-merkanzija u jonqos l-inkonvenjent għar-residenti tal-madwar.

