Din hija riforma kompluta li tħares lejn diversi aspetti fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali, li fil-liġi jissejħu “investigazzjonijiet dwar l-in genere” jew “aċċessi”, fosthom billi tintroduċi salvagwardji li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini, aktar kontabbiltà tal-esperti, informazzjoni lill-vittmi u l-qraba tagħhom u termini li jsaħħu l-effiċjenza u l-effettività tal-proċedura.
Din ir-riforma mhix se tneħħi d-dritt ta’ ftuħ ta’ inkjesta privata. Anzi, ċittadin b’din ir-riforma se jingħata d-dritt li jagħmel talba tiegħu quddiem il-Qorti Kriminali u għalhekk quddiem Imħallef, b’differenza mil-lum li t-talba ssir quddiem Maġistrat.
Kwalunkwe persuna tista’ tagħmel rapport, denunzja jew kwerela lill-Pulizija dwar reat li l-piena tiegħu teċċedi t-tliet snin priġunerija, bit-talba għall-possibiltà li tinfetaħ inkjesta maġisterjali.
Il-persuna privata għandha tikkonferma bil-ġurament ir-rapport, denunzja jew kwerela. Tindika l-persuna suspettata, ir-reati li allegatament twettqu, u tippreżenta provi li fuqhom qed tibbaża t-talba.
Il-Pulizija huma obbligati li jiskattaw l-investigazzjoni biex jaraw hemmx bażi u provi li jikkostitwixxu reat, jew jiddeċiedu jekk hemmx lok jew le li ssir prosekuzzjoni, jew jagħmlu talba biex tinfetaħ inkjesta (aċċess) fuq talba tal-privat fuq persuna suspettata.
Fil-każ li wara sitt xhur mindu jkun sar ir-rapport, denunzja jew kwerela u ma tkunx inbdiet prosekuzzjoni, jew ittieħdet deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni, jew inbeda aċċess (inkjesta), il-kwerelant għandu dritt li jagħmel talba (rikors) quddiem il-Qorti Kriminali, ippreseduta minn Imħallef u jitlob li tkun skrutinizzata l-investigazzjoni li qed twettaq il-Pulizija u li dik il-Qorti tordna l-ftuħ ta’ inkjesta. F’dan l-istadju, quddiem il-Qorti Kriminali jridu jkunu preżentati provi li jkunu ammissibbli bħala evidenza quddiem Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali.
Għala wara sitt xhur?
Dan it-terminu ta’ żmien huwa kostanti ma’ termini oħra diġà stabbiliti fil-liġi u oħrajn li qed ikunu introdotti b’din ir-riforma. Jekk wieħed pereżempju jħares lejn l-Attachment Orders, l-Avukat Ġenerali għandu terminu ta’ sitt xhur biex jissostanzja d-deċiżjoni tiegħu. F’din ir-riforma wkoll se jkun estiż iż-żmien inizjali li fih għandha titlesta inkjesta maġisterjali minn 60 ġurnata għal sitt xhur.
X’proċedura ser tapplika l-Qorti Kriminali?
Il-Qorti Kriminali, wara li tirċievi r-rikors mill-persuna li jkun għamel it-talba għall-ftuħ ta’ aċċess fuq talba tal-privat fuq il-persuna suspettata, għandha tisma’ fil-magħluq lill-Pulizija dwar it-tmexxija tal-proceduri tal-investigazzjoni, għandha titlob lill-persuna li tkun għamlet ir-rapport, denunzja jew kwerela biex tressaq il-provi ammissibbli u tismagħha, u lill-persuna suspettata nkluż bil-possibbiltà li jressqu xhieda u jagħmlu kontro-eżami.
Wara li ssegwi din il-proċedura, il-Qorti għandha tiddeċiedi waħda minn dawn li ġejjin:
- Tippermetti li l-Pulizija jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom (u ttihom terminu) jew,
- Tiddeċiedi li għandhom jintemmu l-proċeduri,
- Tordna illi l-Pulizija tibda Inkjesta Maġisterjali fuq talba tal-privat fuq il-persuna suspettata.
Meta tkun qed tagħmel din l-analiżi, il-Qorti Kriminali se tkun qed tiddeċiedi fuq bilanċ ta’ probabbiltà.
Il-proċess qiegħed jiġi elevat għal quddiem Imħallef direttament u għaldaqstant se jissaħħaħ l-iskrutinju fuq ix-xogħol investigattiv li jkun twettaq mill-pulizija.
Dan id-dritt jeżisti f’pajjiżi oħra?
Fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, dan id-dritt ma jeżistix. L-aktar viċin u li jixbah lil dak li qed ikun propost huwa dak fil-liġi Franċiża. Il-liġi penali Franċiża tagħmel distinzjoni bejn Simple Complaint (simili ta’ rapport/denunzja/kwerela) u Civil Party Complaint (talba għall-ftuħ ta’ inkjesta quddiem Maġistrat) u tistabbilixxi li biex wieħed jagħmel talba għal ftuħ ta’ inkjesta u ċioe’ Civil Party Complaint, huwa għandu l-ewwel jeżawrixxi r-rimedju tas-Simple Complaint u ċioe’ jagħmel rapport għand il-pulizija.
X’rimedju għandu min għamel it-talba jekk l-awtoritajiet investigattivi jikkonkludu li m’hemmx każ?
Fl-aħħar snin pajjiżna żviluppa diversi għodod u drittijiet leġiżlattivi fosthom id-dritt taċ-Challenge u l-azzjoni tal-Judicial Review minn deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali. Peress li qed nitkellmu fuq reati li huma ta’ tliet snin priġunerija jew aktar, għaldaqstant għandhom japplikaw il-proċeduri rilevanti għal Challenge lill-Avukat Ġenerali, bl-eventwalità ta’ Judicial Review skont kif provdut fil-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u l-Proċedura Ċivili.
Meta jsir Challenge u eventwali Judicial Review, fl-ewwel istanza jkun l-persuna interessata li jitlob dirett lill-Avukat Ġenerali terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha, fit-tieni istanza l-Qorti se tkun qed tintalab tordna lill-Avukat Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni tagħha.
X’funzjonijiet se jkollu l-Maġistrat fl-inkjesti?
- Il-ġbir u l-preservazzjoni ta’ kull prova ammissibbli illi l-Maġistrat jidentifika personalment jew pemezz ta’ esperti bħala rilevanti għar-reat li dwaru jsir l-aċċess;
- Li jasal għall-konklużjoni dwar jekk mill-provi ammissibbli miġbura, ikunx irriżulta sal-grad tal-probabilità li jkun twettaq reat;
- Li mingħajr ma jikkontraponi xhieda jew jesprimi ġudizzju dwar liema xhieda għandha titwemmen, fil-każ li jqis illi xi stqarrija magħmula fl-aċċess ikun impossibbli li tkun veritiera, jissenjala dak il-fatt;
- Li jiddikjara jekk ikunx hemm jew le provi ammissibbli biżżejjed li jindikaw sal-grad ta’ probabbiltà, li xi persuni, jistgħu jiġu investigati ulterjorment mill-Pulizija jew li dwarhom għandha tittieħed deċiżjoni mill-Avukat Ġenerali dwar jekk għandhiex tiġi istitwita l-azzjoni kriminali.
Xi dmirijiet u obbligi ġodda se jkun hemm fuq l-esperti?
Se jkunu introdotti salvagwardji li jħarsu l-integrità tal-proċess u jassiguraw li l-ħatra tal-esperti tkun waħda sana u li tgawdi l-fiduċja u l-garanziji meħtieġa fil-proċeduri legali.
Għal dan il-għan se jkun qed jiġi kristallizat il-fatt li espert għandu jkun persuna fiżika u mhux kumpanija. L-espert għandu jkollu konoxxenza tal-liġijiet kriminali Maltin f’dak l-aspett li se jittratta dwaru, u jekk kemm-il darba ma jkunx diġà akkreditat huwa għandu jgħaddi minn proċess ta’ due-diligence li jsir mid-Dipartiment tal-Ġustizzja flimkien mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati. Qiegħda tkun iċċarata wkoll li l-Maġistrat jista’ jorbot lill-espert b’kundizzjonijiet, kif ukoll l-espert obbligat li jistabbilixxi fatti u mhux opinjoni dwar kommissjoni ta’ reat.
Filwaqt li espert għandu jitħallas b’rati għal xogħol paragonabbli f’Malta, fl-istess waqt jekk ikun stmat li l-ispiża se teċċedi l-50,000 ewro, il-Maġistrat għandu jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Prim Imħallef, li jrid jiddeċiedi wara li jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali.
Xi drittijiet se jkollu l-persuna suspettata fil-proċess?
Jekk persuna suspettata tissejjaħ bħala xhud fl-aċċess, hija għandha tiġi mgħarrfa qabel ma tibda tixhed li hija s-suspettata jew is-suġġett tal-aċċess u bir-reat li jkun qed jiġi kkunsidrat li hija setgħet wettqet u bir-raġuni għal dan.
Il-persuna suspettata għandha tingħata d-dritt li tkun assistita minn Avukat u jkollha s-salvagwardji relattivi li joħorġu mil-liġijiet ta’ pajjiżna u konvenzjonijiet internazzjonali.
Persuna li tkun suspettata jew persuna li tqis li hi s-suġġett ta’ aċċess tista’ permezz ta’ rikors lill-Maġistrat titlob li tagħti x-xhieda tagħha fl-aċċess u tindika xhieda u provi oħra lill-Maġistrat.