Papa Franġisku sejjaħ għall-paċi f’dawn il-jiem tal-Għid b’referenza diretta għall-kunflitt li għaddej ġewwa l-Ukrajna. Il-Papa qal dan ilbieraħ waqt is-servizz ta’ Ħadd il-Palm, liema servizz sar quddiem folla ta’ 50,000 persuna. Din kienet l-ewwel darba mill-2019 fejn in-nies tħallew jinġabru fi Pjazza San Pietru u dan hekk kif tneħħew għadd ta’ restrizzjonijiet tal-Covid-19.
Fid-diskors tiegħu l-Papa tkellem dwar il-bżonn ta’ waqfien mill-ġlied matul dan l-Għid, waqfien li ma jsirx biex iż-żewġ naħat jerġgħu jarmaw lilhom infushom biex ikomplu jiġġieldu iżda jkun waqfien mill-ġlied li jgħin biex jinstab il-paċi dejjiemi. B’dik li dehret bħala referenza għar-Russja, il-Papa qal “x’tiswa rebħa meta tpoġġi l-bandiera rebbieħa qalb it-tifrik?”

