Sunday, December 22, 2024

Xufier Eġizzjan mixli li kkaġuna l-mewt ta’ anzjana f’Ħal Far

Aqra wkoll

Ossama Boushra ta’ 53 sena mill-Eġittu u residenti Ħal Għaxaq tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni wara li allegatament ikkawża l-mewt involontarja ta’ Michelina Farrugia ta’ 80 sena wara li nqabdet taħt ir-rota tal-kowċ li kienet għadha kif niżlet minnha.

Kien fl-24 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet meta l-Pulizija kienu ġew infurmati li kien hemm persuna maqbuda taħt kowċ fuq barra ta’ Villa Blanche f’Ħal Far. Minn investigazzjonijiet li kienu saru kien irriżulta li l-anzjana kienet se tattendi riċeviment ta’ għeluq snin il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa.

Hekk kif waslu fuq il-post il-pulizija sabu lill-vittma f’għadira demm kif ukoll lix-xufier taħt xokk qawwi. Sabu wkoll żewġ nisa oħra li kienu sfaw milqutin mill-istess kowċ waqt li kienu neżlin.

Michelina Farrugia kienet iċċertifikata mejta fuq il-post, wara li l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili rnexxilhom joħorguha minn taħt ir-rota tax-xarabank.

Boushra kien qal lill-pulizija li l-kowċ kienet wieqfa biex ikunu jistgħu jinżlu l-passiġġieri meta f’daqqa waħda l-istess kwoċ bdiet nieżla lura waħedha.

Skont il-Prosekuzzjoni l-Eġizzjan kien konxju li l-vettura li kien qiegħed isuq kellha diversi ħsarat, iżda l-espert maħtur mill-Qorti qal li dan ma rriżultax mill-ispezzjonijiet li wettaq hu fuq l-istess vettura.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li meta l-Eġizzjan ġie mitkellem għat-tieni darba għażel li jibqa’ sieket u ma weġibx għall-ebda domanda li saritlu.

Id-difiża talbet lill-Prosekuzzjoni tispjega f’liema stat instab ix-xufier dakinhar tal-inċident. Kien hawn li l-Ispettur qal li r-raġel kien bilqiegħda fuq bank, b’rasu mgħottija u mbikkem.

L-avukat f’isem l-Avukat Generali talbet lill-Qorti biex testendi l-irwol tal-espert mekkaniku Jean Paul Azzopardi sabiex jeżamina l-vettura mill-ġdid u jikkonferma jekk il-bieba tal-kowċ tistax tinfetaħ meta il-handbrake jkun imniżżel jew mtella’. Dan għaliex il-prosekuzzjoni tixtieq tikseb aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà tal-vettura.

Għal din it-talba d-difiża m’oġġezzjonatx, anżi qalet li tixtieq aktar dettalji mill-espert dwar il-mod kif jaħdem il-mekkaniżmu li permezz tiegħu tinfetaħ u tingħalaq il-bieba tal-passiġġieri.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut flimkien mal-avukat Darlene Grima f’isem l-Avukat Generali. L-akkużat deher assisti mill-Avukati Jason Azzopardi u Alessandro Farrugia. Sid ix-xaranbank deher assistit mill-Avukat Marion Camilleri filwaqt li għall-familja tal-vittma dehret l-Avukat Lara Attard.

Ekonomija

Sport