Tuesday, April 30, 2024

Xufier irrifjuta li jsuq student bl-awtiżmu sakemm mhux sorveljat 

Is-CRPD tintervjeni

Aqra wkoll

L-ammont ta’ lmenti li rċeviet il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) żdiedu bi 32% fl-2021. Filwaqt li fl-2020 tressqu quddiemha 475 ilment, is-sena li għaddiet irċeviet 628 ilment.

L-ogħla numru ta rapporti fl-2021 tressqu b’rabta ma’ nuqqas ta’ aċċessibilità (263), filwaqt li ġew ippreżentati 206 rapport relatati ma’ allegat użu ħażin jew abbuż ta’ blue badge.

Ilmenti fir-rigward tas-settur edukattiv ammontaw għal 45 mill-għadd totali ta’ lmenti, filwaqt li kien hemm 34 ilment dwar akkomodazzjoni u provvista ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet. Kien hemm ukoll 33 ilment relatat mal-impjieg, tmien ilmenti fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ħames allegati ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Fost il-każi li ġew investigati u li d-dettalji dwarhom jinsabu elenkati fir-rapport annwali tas-CRPD kien hemm dak ta’ ġenitur ta’ tifel bl-awtiżmu li lmenta mal-Kummissjoni li x-xufier tat-trasport tal-iskola rrifjuta li jsuq lit-tifel lejn l-iskola sakemm ma jkunx sorveljat.

Il-Kummissjoni kienet tkellmet mal-Prinċipal tal-Kulleġġ u rriżulta li l-Prinċipal kien diġà talab superviżjoni abbord għas-sigurtà tal-istudent u kien qed jistenna tweġiba mis-Servizz Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Iskejjel (NSSS). Is-CRPD segwiet il-każ mal-NSSS u ngħatat superviżjoni abbord għas-sigurtà tal-istudent. 

F’każ ieħor, is-CRPD irċeviet rapport ta’ allegata diskriminazzjoni li tinvolvi bullying kif ukoll abbuż verbali u emozzjonali fil-konfront ta’ impjegat b’diżabilità ta’ aġenzija. Wara l-intervet tas-CRPD, l-aġenzija nediet investigazzjoni interna.

Barra minn hekk, is-CRPD issuġġeriet li l-impjegati kollha għandhom jagħmlu Taħriġ għall-Ugwaljanza tad-Diżabilità u jfittxu li jiksbu ċ-Ċertifikazzjoni tal-Marka tal-Ugwaljanza maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Iktar tard, is-CRPD ġiet infurmata li l-aġenzija nediet programm ta’ taħriġ għall-impjegati kollha, kif kienet issuġġeriet is-CRPD. 

Numru ta’ persuni b’diżabilità klijenti tal-bank HSBC kienu wkoll ilmentaw bi ħlas għal servizzi ta’ €5 li ġie impost mill-bank. Is-CRPD iddiskutiet il-każ mal-bank u eventwalment innegozjat eżenzjoni għal persuni b’diżabilità li jipprovdu ittra maħruġa mis-CRPD li tiċċertifika li l-persuna hi rreġistrata bħala persuna b’diżabilità.

Każ ieħor kien dak ta’ persuna b’nuqqas ta’ mobilità u uġigħ kroniku li lmentat dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità fid-daħla ta’ blokk appartamenti f’San Ġiljan fejn toqgħod. Hija rrappurtat li kisret għaksa wara waqgħa, minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità.

Is-CRPD ikkuntattjat lill-amministratur tal-blokk li pprovda għall-installazzjoni tal-poġġamani li talbet il-persuna li lmentat.

Sport