Raġel li kien qed isuq minivan bl-istudenti meta ħabat f’karozza u weġġa’ student u liż-żewġ persuni li kienu fil-vettura ġie immultat €4,000 wara li mħallef bidel s-sentenza ta’ maġistrat li fiha kien illiberat.
Augustine Bonello, magħruf aħjar bħala Winston, kien mixli li fil-15 ta’ Jannar 2009 fi Triq il-Kosta b’nuqqas ta’ ħsieb jew traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi fuq Kenneth Francis Abela u Roderick Mangion u ġrieħi ħfief fuq Sean Buttigieg.
Huwa kien mixli wkoll li kkaġuna ħsara fil-vettura ta’ Tancred Tabone, li saq b’veloċità eċċessiva u li kiser sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2004.
Bonello kien illiberat imma l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza bl-istess appell jinstema quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti.
Mill-provi irriżulta li waqt li Bonello kien qed isuq minivan bit-tfal tal-iskola ħabat ‘head on’ ma’ vettura li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.
Fl-inċident weġġgħu Mangion li kien qed isuq il-karozza, Abela li kien passiġġieri miegħu kif ukoll Buttigieg li kien student riekeb fil-vann. Żewġ studenti oħra weġġgħu ħafif.
L-Imħallef Grixti ikkunsidra x-xiehda li taw żewġ xufiera li nzertaw għaddejjin mill-post dak il-ħin fejn it-tnejn li huma qalu li l-minivan qabeż vettura u ġie fuq il-karreġġjata opposta biex seħħet il-ħabta.
Huwa għamilha ċara li ma setax jifhem kif il-Qorti tal-Maġistrati setgħet taċċetta l-insistenza tiegħu li ma kellux tort meta qabeż il-karozza ta’ quddiemu u spiċċa fil-vettura li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.
“Din il-Qorti ma tistax tifhem kif l-ewwel Qorti setgħet tilqa’ sottomissjoni fejn tkun mqiegħda f’dawl ikrah il-verżjoni ta’ sewwieq u attakkata l-kredibilita tiegħu sempliċiment għaliex l-ewwel ittri tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura tiegħu huma GOD meta dan hu spjegabbli proprju għaliex jismu Godwin”.
Huwa żied li mill-provi jirriżulta ċar li l-minibus qabeż żewġ vetturi mexjin maġenb xulxin f’manuvra li saret fi triq b’karreġġjata waħda għal kull direzzjoni.
“Il-manuvra tal-imputat kienet waħda ferm u ferm azzardata u kapriċċuża aktar u aktar meta kellu fir-responsabbiltà tiegħu vann mimli tfal aktar u aktar f’dawk il-kundizzjonijiet ta’ xita qalila”.
Kien għalhekk li waqt li żammu responabbli għal sewqan traskurat, l-Imħallef Grixti ħassar l-ewwel sentenza u sab lil Bonello ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Meta ġie biex jagħti s-sentenza huwa sostna li Bonello jixraqlu li jintbagħat il-ħabs madankollu irrimarka li peress li għadda ż-żmien sentenza sospiża tkun aktar adattata.
Madankollu żied li din ma setgħetx tingħata minħabba li nstab reċidiv u għalhekk iddeċieda li jikkundannah €4,000 multa u skwalifikalu l-liċenzja għal sitt xhur.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Kevin Farrugia li dak iż-żmien kien għadu jokkupa r-‘rank’ ta’ spettur.