Saturday, November 23, 2024

Xufier ta’ taxi jiddeskrivi t-tħassib tiegħu meta wassal lis-suspettati fuq il-post

Ikompli l-każ tat-tliet persuni mixlija b’attentat ta’ qtil waqt hold up fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

Xufier ta’ taxi li kien wassal tliet persuni minn Ħaż-Żebbuġ għaż-Żurrieq, fejn allegatament serqu minn ħanut tad-deheb u aggredew l-anzjan li jieħu ħsieb l-istess ħanut, iddeskriva t-tħassib tiegħu meta kien wassalhom biex allegatament wettqu dak li wettqu.

Ir-raġel ta’ nazzjonalità Griega ssejjaħ biex jixhed hekk kif quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia kompliet il-kumpilazzjoni kontra Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena, Mohamed Anas Boulam ta’ 37 sena u Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena, li qed jiġu mixlija bl-attentat ta’ qtil ta’ Joe Carabott ta’ 67 sena u b’serq aggravat fost oħrajn.

Ix-xhud identifika lit-tliet imputati bħala l-passiġġieri li kien rikkeb minn residenza f’Ħaż-Żebbuġ nhar il-25 ta’ Awwissu filgħaxija. Huma kienu bbukkjaw taxi permezz ta’ Bolt.

Huwa kien ġabarhom ftit wara s-6.00 p.m. u niżżilhom qrib il-Knisja taż-Żurrieq fi Triq Dun Ġużepp Żammit, għall-ħabta tas-6.36 p.m. L-imputata kienet poġġiet fuq quddiem ħdejn ix-xufier, filwaqt li ż-żewġt irġiel poġġew wara.

“Tkellmu lingwa oħra. Għalhekk ma bdejtx nifhem x’qed jgħidu bejniethom,” spjega x-xufier filwaqt li żied jgħid li l-mara kienet qaltlu li kienu sejrin iż-Żurrieq biex jiġbru lil binha ta’ seba’ snin. “Kelli sentimenti differenti. Il-mod kif iż-żewġt irġiel fuq wara bdew iħarsu lejja, ħassbuni,” qal ix-xufier.

Ftit wara li għamel dak il-vjaġġ, huwa kien irċieva telefonata “urġenti” mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana. Qal li l-uffiċjal investigatur kien spjegalu li l-pulizija kienu qed jaħdmu fuq “reat serju” u talbuh biex jagħtihom id-dettalji kollha li seta’ jagħti dwar dak il-vjaġġ.

Is-sewwieq qalilhom b’kulma kien jaf, filwaqt li pprovda wkoll il-filmati tad-dashcam tiegħu lill-pulizija li kienu importanti biex jiġu identifikati tnejn mis-suspettati – Borg Sciberras u Anas.

Sa dak il-ħin it-tielet suspettat kien għadu ma ġiex identifikat, minkejja li wiċċu kien viżibbli fil-filmat. Huwa eventwalment kien identifikat u ġie arrestat aktar tard flimkien maż-żewġ imputati l-oħra.

Il-każ ikompli.

1 kumment

  1. Onor Nardu l Grieg.Biex infakrek meta sirt penzjonant fit 2006 il pn fil gvern kien johduli izjed minn €70 fix xahar mill penzjoni.Meta tela labour il penzjoni qatt ma giet intaxxata ghax is ceiling tat taxxa sar skont l gholi tal penzjoni.Kif nista navda kap ta partit li ma jhallas taxxa,li jiddikjara li jaqla 6000 lira fis sena u jixtri villa.Imbierek Alla.

Comments are closed.

Sport