Fi stqarrija aġġornata, il-Pulizija nfurmat li sfortunatament, ir-raġel ta’ 37 sena fl-aħħar sigħat tilef ħajtu flIsptar Mater Dei.
L-Inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ilbieraħ:Xufier tal-linja fil-periklu tal-mewt
Fi stqarrija l-pulizija qalu li x-xufier tax-xarabank ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal kura meħtieġa. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-mara tal-vettura l-oħra ma weġġgħetx.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Xufien tal-linja l-Isptar wara ħabta f’San Ġiljan
Kien għall-ħabta tal-10.30am meta fi Triq Mikiel Anton Vassalli f’San Ġiljan qrib il-miri ta’ Paceville, seħħ inċident tat-traffiku bejn karozza tal-linja u vann.
Is-sewwieq tal-karozza tal-linja, raġel ta’ 37 residenti Marsascala kellu jiddaħħal l-Isptar b’ambulanza, filwaqt li l-vann kienet qiegħda tinsaq minn mara ta’ 39 sena residenti n-Naxxar.
B’xorti tajba fuq ix-xarabank ma kienx hemm aktar passiġġieri ħlief is-sewwieq.
Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-Pulizija li minbarra li bdew jinvestigaw il-każ, ikkontrollaw it-traffiku bl-għajnuna tal-uffiċjali tat-Transport Malta.
Il-kundizzjoni tas-sewwieq s’issa għadha mhix magħrufa.
Aktar kmieni: Persuna l-isptar wara ħabta bejn tal-linja u vann
Mill-inqas persuna waħda spiċċat l-isptar wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku qrib il-mini ta’ Paceville.
Jirriżulta li l-inċident seħħ bejn karozza tal-linja u vann.
Kawża ta’ dan l-inċident it-triq tinsab magħluqa għat-traffiku, fejn il-pubbliku hu mħeġġeġ biex jevita l-inħawi.
Fuq il-post hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija u anke minn Transport Malta.