Hekk kif ħarġet l-akbar li l-vittma tal-inċident tat-traffiku tal-bieraħ filgħaxija kien Christ Gatt mill-Imtarfa, mill-ewwel mijiet kbar ta’ persuni sellmu l-memorja tiegħu.
Waħda mill-persuni li kkummentat kienet għalliem ta’ Gatt fejn kitbet li“X’xokk dalgħodu! Student eżemplari li kien imżejjen b’ħafna kwalitajiet sbieħ”.
Oħrajn kitbu li jinsabu xokkjati minħabba l-fatt li kienu għadhom kemm kellmu lil Gatt ftit tal-ħin jew ġranet qabel.
Kien hemm persuni li staqsew x’inhu jiġri hekk kif Gatt hu t-tieni vittma tat-traffiku residenti l-Imtarfa. Fil-fatt, fis-7 ta’ Jannar li għadda kien tilef ħajtu Alejandro Brincat b’inċident tat-traffiku li wkoll kien residenti l-Imtarfa.
Intant fi stqarrija l-Pulizija qalu li raġel ta’ 24 sena residenti l-Imtarfa, tard ilbieraħ filgħaxija tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00pm fi Triq l-Ewwel Titjira.
Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma kien qiegħed isuq BMW, tilef il-kontroll tagħha, bil-konsegwenza li ħabtet mal-barrier tas-central strip u spiċċat ma’ struttura tal-konkos fuq il-karreġġjata opposta.
Fuq il-post issejħu minnufih il-pulizija, timijiet mediċi mill-isptar u membri tal-Protezzjoni Ċivili. Sfortunatament is-sewwieq ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Raġel ieħor ta’ 24 sena mill-Imtarfa li kien passiġġier ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard kien iċċertifikat bi ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat Dr Joe Mifsud LL.D ħatar inkjesta fejn ħatar diversi esperti, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizjia b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.