Yachting Malta ser tkun qeda tappoġġa waħda mir-regatti tal-EurILCA Master Series, li ser issir f’Malta bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Marzu. L-attività ssir taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation u flimkien mal-Malta ILCA Class Association.
Il-EurILCA Masters Series hija sensiela ta’ regatti li jsiru matul is-sena f’uħud mill-aktar postijiet prestiġjużi tal-ibburdjar fl-Ewropa. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-baħrin li għandhom aktar minn 35 sena u jtellqu fuq id-dgħajjes tal-Klassi ILCA 7, ILCA 6 u ILCA 4.
Malta qed tistenna li tilqa’ madwar 40 baħri. Erba’ baħrin Maltin, fosthom l-eks atleta Olimpika Mario Aquilina se jingħaqdu mal-kumplament tal-flotta li għandha rappreżentanti mill-Gran Brittanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Norveġja, l-Portugall, l-Isvezja, l-Isvizzera, u l-Istati Uniti tal-Amerika.
It-tlielaq mistennija jsiru ġewwa l-Port ta’ Marsamxett u l-flotta mistennija tiġri madwar disa’ tiġrijiet, bi tliet tiġrijiet skedati kuljum. It-tlielaq huma ppjanati li jibdew f’nofsinhar ta’ kull jum, bl-aħħar bidu skedat mhux aktar tard mit-15:30. Tiġrija żejda tista’ tiġi miżjuda f’wieħed mill-jiem jekk il-kundizzjonijiet tat-temp jaffettwaw l-iskeda. Din ser tkun possibiblat minħabba t-tbassir għal tmiem il-ġimgħa.
Bħalissa, numru minn dawn il-baħrin qedin jieħdu sehem f’kamp ta’taħriġ li qed issir fir-Royal Malta Yacht Club u li qed jitmexxa minn SailCoach, organizzazzjoni Internazzjonali ta’ kowċing li tispeċjalizza fid-dgħajjes tal-Klassi ILCA sal-livell Olimpiku.
“Il-potenzjal ta’ Malta bħala post internazzjonali ewlieni tal-ibburdjar qed jiġi rikonoxxut minn korpi governattivi internazzjonali bħal EurILCA minħabba l-kundizzjonijiet u l-faċilitajiet li Malta toffri, li huma meqjusa b’mod favorevoli ħafna fuq livell internazzjonali” spjega John Huber, Chairman, Yachting Malta. “Yachting Malta hija kburija li tappoġġja inizjattivi bħal dawn li jkomplu jenfasizzaw l-importanza ta’ Malta fiċ-ċirkwit internazzjonali tal-ibburdjar.”
L-EurILCA Masters Series f’Malta se tiġi fi tmiemha l-Ħadd 20 ta’ Marzu meta se jsiru l-għoti ta’ premjijiet fir-Royal Malta Yacht Club.