Yachting Malta kompliet bil-ħidma tagħha biex tkabbar l-inklussività u l-emanċipazzjoni għall-individwi b’diżabilità kif jidher f’diversi inizjattivi li Yachting Malta impenjat ruħha fihom f’dawn l-aħħar xhur. Dawn kienu diretti biex jinkoraġġixxu l-ibburdjar minn persuni b’diżabilità.
Inizjattivi ta’ Yachting Malta f’dan il-qasam bdew f’Ottubru 2021, meta Yachting Malta appoġġat id-dħul ta’ Gianluca Aquilina,għall-Kampjonati tad-Dinja ta’ Hansa 2021 f’Palermo, l-Italja. Din l-iniżjattiva kienet ħolma ta’ l-eks chairman ta’ Yachting Malta John Huber. L-attivita minn Yachting Malta kompliet f’Mejju tal- 2022 meta Yachting Malta xtrat l-ewwel tliet dgħajjes Hansa 303. Dawn id-dgħajjes, li eventwalment saru erbgħa, jiffurmaw parti ta’Klassi rikonoxxuta mal-World Sailing u l-klabbs tal-ibburdjar lokali kollha għandhom fil-pussess tagħhom waħda minn dawn id-dgħajjes. Ix-xiri ta’ dawn id-dgħajjes kien possibbli wkoll bil-kontribut ta’ Frank Salt Real Estate, Agora Foundation u Transport Malta.
L-isforzi ta’ Yachting Malta lejn l-inklussività fl-isport jinvolvu l-għoti ta’ programmi ta’ taħriġ biex jilqgħu dawn l-individwi. Joseph Muscat, membru tat-tim ta’ Yachting Malta ilu jagħti attenzjoni partikolari lil dan il-qasam billi offra diversi sigħat ta’ taħriġ fuq l-klassi Hansa 303 lill-iskejjel tal-ibburdjar.
Riċentement, kien preżenti għall-Campionato Italiano Classe Olimpiche u Parasailing (CICO 2023) li sar f’Marina Dorica f’Ancona l-Italja.
Il-Kampjonati ospitaw ‘il fuq minn 300 atleta, li minnhom 46 kienu Para-atleti li kkompetew f’dgħajjes Hansa 303 u 2.4mR.
Filwaqt li dawn il-klassijiet mhux ser jigu nklużi fil-Logħob Paralimpiku li jmiss f’Pariġi 2024, xorta waħda għadha qed tingħata attenzjoni speċjali lill-atleti li jikkompetu f’dawn il-klassijiet. Fil-fatt saru 10 tiġrijiet kemm għall-Klassijiet Hansa single handed kif ukoll double handed, kif ukoll il-klassi 2.4mR.
Matul iż-żjara tiegħu Muscat kiseb esperjenza fil-loġistika meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti bħal dawn.
“Il-preżenza tagħna hemmhekk kienet importanti peress li mhux biss ksibna esperjenza teknika u organizzattiva iżda kellna wkoll il-possibbiltà li niltaqgħu ma diversi kollegi tagħna mid-delegati tal-Federazione Italiana Vela u tal-Klassi Hansa li se tippermettilna nippromwovu lil Malta bħala ċentru tal-ibburdja għal persuni b’diżabilità.” irrimarka Joseph Muscat, Projects & Initiatives executive, ta’ Yachting Malta.
Matul iż-żjara f’Ancona saru diskussjonijiet mas-Sig. Beppe Devoti, Direttur Tekniku tal-FIV għat-Tim Nazzjonali Paralimpiku, Carmelo Forestieri – President tal-Klassi Hansa tal-Italja, midalja tad-Deheb ta’ Hansa 303 tas-sena l-oħra u midalja tal-fidda ta’ din is-sena, u Marco Gualandris, parteċipant f’diversi Kampjonati Paralimpiċi Dinjija u Midalja tad-Deheb CICO 2023.
Yachting Malta se tkompli taħdem mill-qrib mal-klabbs lokali u internazzjonali bil-għan li jkun hemm programmi ta’ skambju bejn iż-żewġ pajjiżi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ dan l-isport.